L-Air Malta tnaqqas bin-nofs it-telf mill-operat

Bejn April u Ġunju, l-Air Malta naqset it-telf tagħha bin-nofs, żiedet id-dħul, żiedet in-numru tal-passiġġieri filwaqt li s-seat load factor baqa’ stabbli meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena li għaddiet.

Dan jirriżulta mir-riżultati tat-tieni kwart tas-sena.

It-telf tal-Air Malta issa naqas għal €3.3 miljun.

L-ispejjeż, li l-parti l-kbira tagħhom huma spejjeż ta’ darba, huwa kif imbassar fil-pjan tar-ristrutturar approvat mill-Kummissjoni Ewropea.

Dawn ir-riżultati pożittivi għall-Air Malta inkisbu permezz ta’ żieda fid-dħul ta’ €5.7 miljun u miż-żieda fin-numru tal-passiġġieri għal 498,692 passiġġier.

Il-linja tal-ajru rreġistrat ukoll seat load factor ta’ 74% matul dan il-perjodu.

Ix-xahar ta’ Ġunju kien l-aqwa wieħed għall-Air Malta fil-ġarr tal-passiġġieri fil-ħames snin li għaddew.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Peter Davies sostna li dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-Air Malta qed tirkupra finanzjarjament iżda l-isfidi għadhom kbar għaliex il-mira issa hi li ma tibqax tagħmel telf.

Ir-rizultati finanzjarji awditjati se jiġu ppreżentati fil-laqgħa ġenerali annwali u maħruġa lill-pubbliku x-xahar id-dieħel.