L-Air Malta tkeċċi 69 bdot

Ifallu t-taħditiet bejn l-ALPA u l-Air Malta

Read in English.

Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ħabbret li keċċiet 69 bdot li hekk kif huma meqjusa żejda mill-kumpanija. Minkejja talbiet anke mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri biex il-bdoti jsegwu l-ftehim li ntlaħaq mal-unjin tal-cabin crew, il-bdoti ma laqgħux il-ftehim offrut lilhom mill-Air Malta.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li t-taħditiet mal-unjin tal-bdoti, l-ALPA, fallew. Il-Gvern qal li s-sensji nagħtaw lil nofs il-bdoti li tħaddem l-Air Malta.

L-Air Malta sostniet li minħabba li d-dħul tal-kumpanija naqas drastikament bl-impatt tal-pandemija Covid-19, il-linja tal-ajru ma kellhiex għażla oħra ħlief li tkeċċi lill-bdoti.

Sostniet ukoll li minkejja li unjins oħra ta’ ħaddiema tal-kumpanija fehmu l-bżonn li jaċċettaw it-tibdil, skont l-Air Malta l-ALPA kienet qed tagħmel talbiet mhux raġunati. L-ALPA kienet talbet li l-membri tagħha jibdew jieħdu nofs il-paga iżda l-Air Malta ma kinitx aċċettat.

Intant, l-Air Malta qalet li se tibqa’ toffri konnettività fuq ir-rottot maġġuri Ewropej bil-Gvern jgħid li l-Air Malta se tagħmel dan filwaqt li tibqa’ sostenibbli biex “jibbenifikaw mhux biss il-ħaddiema iżda l-ekonomija Maltija”.

“Deċiżjonijiet mhux mixtieqa iżda ta’ bilfors” – il-Gvern

Il-Gvern fi stqarrija qal li jħossu dispjaċut għal mod kif imxiet l-ALPA. Fi stqarrija maħruġa tard il-Ġimgħa, il-Ministeru għall-Ekonomija qal li dan sar b’detriment għall-membri tal-unjin stess li wasslu għal “deċiżjonijiet li ma kinux mixtieqa iżda ta’ bilfors”.

Il-Gvern qal ukoll li t-talba tal-ALPA għall-irtirar tal-bdoti kienet se tiġi tiswa €73 miljun, medja ta’ €700,000 għal kull bdot.

Il-Ministeru stqarr ukoll li l-linja nazzjonali “għamlet bosta laqgħat twal mal-Unjin tal-Piloti sabiex tissalvagwardja s-sostenibbiltà u l-vijabbiltà tagħha”. Il-Ministru ghall-Ekonomija responsabbli mill-Air Malta, Silvio Schembri, qal li “l-azzjonijiet tal-ALPA ppruvaw joħonqu l-operat tal-Airmalta billi t-talbiet li saru ma kinux raġonevoli fi żmien meta d-dħul tal-linja tal-ajru naqas bil-kbir minħabba l-pandemija Covid-19”.

F’April, il-linja tal-ajru kienet qalet li m’għadx fadlilha fidi fil-koperazzjoni mal-unjins iżda fl-aħħar ta’ Mejju l-unjin tal-cabin crew laqgħet il-ftehim offrut lilha mill-Air Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn