L-Air Malta tilqa’ d-disa’ ajruplan fil-flotta

L-Air Malta laqgħet id-disa’ ajruplan fil-flotta tagħha, li mistenni jitqiegħed fis-servizz fil-jiem li ġejjin.
Dan ħabbritu l-kumpanija tal-ajru nazzjonali, meta qalet fi stqarrija li l-ajruplan Airbus A320 ġie kkonfigurat mill-ġdid għall-ispeċifikazzjonijiet tal-Air Malta.
Etihad Airways Engineering applikat il-livrija tal-Air Malta fuq l-ajruplan fil- hangar taż-żebgħa ġewwa l-faċilità ddedikata tagħha f’Abu Dhabi.
Il-proġett, li inkluda għadd kbir ta’ bidliet ta’ komponenti u konfigurazzjoni mill-ġdid tal-kabina sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji tal-Air Malta, involva wkoll kontroll fil-fond ta’ manutenzjoni ta’ 6 snin.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, li sostna li t-tkabbir tal-Air Malta jikkumplimenta l-viżjoni tal-Gvern sabiex il-linja tal-ajru tikseb il-pożizzjoni "tal-linja tal-ajru tal-Mediterran”.
Min-naħa tiegħu ċ-Ċermen tal-Air Malta, Charles Mangion, qal, “Aħna bdejna noperaw l-iskeda tas-sajf tagħna li fiha nagħmlu titjiriet lejn mhux inqas minn 17-il rotta ġdida, fejn tlieta minnhom huma titjiriet bejn bliet Ewropej li ma jinvolvux lil Malta. Dan l-ajruplan se jagħtina aktar flessibbiltà biex noperaw dawn ir-rotot u l-fuq minn 4,000 titjira addizzjonali li qed nippjanaw li noperaw din is-sena.”
Il-faċilitajiet tal-hangars tal-Ajruplani ta’ Etihad Airways Engineering Aircraft ikopru madwar 42,000 metru kwadru, inkluż 10,000 metru kwadru ta’ faċilitajiet ta’ żebgħa tal-ajruplani u hangar iddisinjat apposta li fih jista’ jilqa’ sa tliet ajruplani Airbus fl-istess waqt.
Ritratt: Air Malta