L-Air Malta tikri żewġ ajruplani

L-Air Malta ħabbret li se tikri żewġ ajruplani Boeing 737-400 ta’ 168 passiġġier nhar il-Ħadd u t-Tnejn. L-ajruplani se jissieħbu fil-flotta tal-linja tal-ajru sabiex joperaw seba’ titjiriet ta’ ritorn.
 
Dawn it-titjiriet kienu skedati li jiġu operati bl-ajruplani tal-linja tal-ajru li bħalissa qed issirilhom manutenzjoni ta’ prevenzjoni.
 
Philip Saunders, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta, qal li “l-Air Malta tibqa’ waħda mill-aqwa linji tal-ajru tal-Ewropa f’termini ta’ affidabilità. Nagħmlu ħilitna biex noperaw kull titjira skedata u npoġġu l-konvenjenza tal-passiġġieri l-ewwel. It-tmiem il-ġimgħa li ġej huwa perjodu ta’ btala ferm popolari u din id-deċiżjoni tenfasizza l-impenn tagħna lejn il-passiġġieri.”