L-Air Malta tiftaħ il-Qorti b’urġenza kontra l-azzjoni tal-ALPA

L-Air Malta għadha kif ppreżentat Mandat ta' Inibizzjoni kontra l-Unjin tal-Bdoti ta’ Malta (ALPA) fil-Qorti wara rapporti fil-midja li l-maġġoranza tal-membri tal-Unjin ivvutaw favur azzjoni industrijali.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li matul din il-ġimgha inqala' "diverbju" bejn iċ-Chief Officer Flight Operations u l-Publications Officer tal-Air Malta li huma t-tnejn piloti.
Skont il-linja tal-ajru nazzjonali ta’ Malta, dan seħħ wara dan tal-aħħar irrifjuta li jgħaddi dokumenti (flight manuals) lic-Chief Officer wara li dan kien ilu tlett ijiem jghidlu li se jaddijhomlu. L-Air Malta saħqet li dawn id-dokumenti huma propjetà tagħha u jaqgħu taħt ir-responsabbilità taċ-Chief Officer Flight Operations.
Fl-istqarrija tagħha, l-Air Malta spjegat li l-ALPA illum laqqaw il-membri tagħhom u ressqu mozzjoni li kienet tikkontempla azzjoni industrijali fil-konfront tal-Air Malta. Din l-azzjoni kienet tinkludi t-twaqqif ta’ servizz mill-Kaptani u l-First Officers. Din il-mozzjoni ġiet approvata u ftit minuti biss wara dan il-vot l-Air Malta irciviet avviż bil-miktub dwar avviż ta’ tilwima industrijali u li kienet qed tirriserva d-dritt li tordna azzjoni industrijali.
L-Air Malta qed tisħaq li dan l-aġir mhuwiex f'konforma mal-liġi. Qalet li l-azzjoni li qed tipproponi l-ALPA mhix proporzjonata mat-tilwima li ġiet irrapportata.
Il-linja tal-ajru żiedet tgħid li l-azzjonijiet tal-unjin iwasslu għall-ħsara irreparabbli tal-istess kumpanija.
L-Air Malta temmet tgħid li l-Qorti ntfetħet b’urġenza biex ġie ppreżentat Mandat ta’ Inibiżzjoni kontra l-ALPA u personalment kontra l-membri tal-kumitat tal-istess unjin.
Il-Gvern lest jieħu l-miżuri legali kollha
Wara li ħarġet l-istqarrija tal-Air Malta, il-Gvern qal li mhu se jħalli lil ħadd itellfu milli jsalva din il-kumpanija. Sostna li lest jieħu “il-miżuri legali kollha biex jipproteġi l-interessi tal-kumpanija u l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Gvern fakkar kif fl-aħħar xhur ġie ffirmat ftehim kollettiv ma’ kull sezzjoni tal-Air Malta ħlief mal-piloti.
Il-Gvern qal li fetaħ il-kumpanija Malta Air Travel biex fost affarijiet oħra jżomm il-kontroll assolut u esklussiv fuq l-islots fl-ajruporti. 
Il-Gvern sostna li l-pakkett li ġie offrut lill-bdoti joffri żidiet fil-pagi u huwa ġust.
Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern lest li jieħu triq oħra jekk il-bdoti, li ddeskrivihom bħala grupp żgħir, jipperikolaw il-futur tal-linja nazzjonali tal-Air Malta.