L-Air Malta tiċħad rapport dwar it-titjira tal-PM

Read in English.

Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ċaħdet rapport dwar it-titjira li fuqha kien hem mil-Prim Ministru Joseph Muscat lejn Londra. L-Air Malta fi stqarrija qalet li d-dewmien kien ikkawżat minn żball proċedurali fil-flight plan. Spjegat li dan l-iżball wassal biex l-ajruplan jibqa fl-ispazju tal-ajru Taljan qabel il-pjan ġie aġġornat u approvat mill-uffiċjali tat-traffiku tal-ajru Franċiżi.

L-Air Malta ċaħdet li t-titjira kellha tgħaddi mill-ispazju tal-ajru Svizzeru, rapport li ġie ppubblikat mis-sit manueldelia.com. L-artiklu jgħid li l-kontrolluri tal-ajru fl-Isvizzera ċaħdu t-talba tal-Air Malta u għaldaqstant it-titjira kellha ddur biex ma tidħol fl-ispazju tal-ajru tal-Isvizzera.

Sorsi qrib l-Air Malta kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li t-titjira li għaliha kienet qed issir referenza għaliha fl-istqarrija kienet dik KM100 minn Malta lejn Londra tal-Ħamis 2 ta’ Jannar, l-istess titjira li fuqha kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Mal-Prim Ministru, is-sit irrapporta li kien hemm il-familja ta’ Muscat flimkien mal-ħbieb tagħhom Karl u Diane Izzo. Izzo nħatar bħala Ambaxxatur Malti fil-Montenegro.