L-Air Malta tibda tkeċċi l-ħaddiema

Il-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta infurmat lill-ħaddiema kemm part time kif ukoll uħud full time li l-impjieg tagħhom se jiġi mwaqqaf fl-aħħar tax-xahar.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Cabin crew b’kuntratt definit mal-Air Malta rċivew imejl jinfurmahom li se jkunu bla xogħol mill-aħħar ta’ April.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-maġġoranza ta’ dawk li ġew infurmati. Sa issa huma ħaddiema li bdew jaħdmu f’Ottubru 2018. Dan ikun ifisser li madwar żewġ terzi tat-338 cabine crew  se jkunu bla xogħol mix-xahar li jmiss.

Din il-kamra tal-aħbarijiet tinsab infurmata li grupp ta’ dawn l-impjegati li sfaw vittmi ta’ dawn il-miżuri mistennija jieħdu azzjoni legali minħabba dak li qed jiġi ppreżentat lilhom bħala “employment measures”.

L-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta ġie rreġistrat fis-7 ta’ Marzu. Kien biss fl-20 ta’ Marzu li ġew sospiżi t-titjiriet kollha tal-passiġġieri minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Minbarra li faqqgħet pandemija medika minħabba l-imxija tal-virus, l-ekonomija qed tieħu daqqa kbira madwar id-dinja. Ħafna min-negozji l-aktar milquta jinkludu dawk tal-ospitalità, iżda għadd ta’ industriji oħra qed isofru b’mod indiriett.