L-Air Malta tibda titjiriet minn Katanja għal Vjenna

Il-linja tal-ajru Air Malta ħabbret li se tibda titjiriet minnu lejn Katanja u Vjenna.
Fi stqarrija, l-Air Malta spjegat li se tibda dan is-servizz wara li l-kumpanija NIKI falliet u irtirat minn dan is-suq.
Il-linja tal-ajru Maltija se topera servizz ta’ darbtejn fil-ġimgħa minn Malta għal Vjenna via Katanja kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa.
 Is-servizz skedat il-ġdid se jidħol fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar u jibqa’ għaddej għal aktar minn xahrejn sat-23 ta’ Marzu.
Il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta qal li se jinħareġ noll speċjali lill-passiġġiera li jkunu tħallew l-art sabiex kull passiġġier li inizjalment ibbukkja ma’ Niki jkollu l-faċilità li jerġa’ jibbukkja mal-Air Malta.
Il-prezz għal din ir-rotta minn u lejn l-ajruporti ta’ Vjenna u Katanja se jiswa €39 kull naħa.
Il-Ministru Konrad Mizzi enfasizza li l-introduzzjoni ta’ din ir-rotta l-ġdida taqbel mal-istrateġija tal-Gvern li jiżviluppa lill-Air Malta bħala l-linja tal-ajru tal-Mediterran. Mizzi spjega li l-Air Malta se tkun qiegħda tfittex opportunitajiet ġodda ta’ profitt biex tkabbar in-netwerk tar-rotot tagħha.
Intant, ġie rrappurtat ukoll li l-Air Malta waqfet it-titjiriet diretti minnu lejn Berlin. Sa issa, il-kumpanija għadha ma kkummentatx dwar dan is-servizz.