L-Air Malta tħallas lura lil dawk li qatgħu l-biljetti lejn Tripli

L-Air Malta kkanċellat temporanjament it-titjiriet skedati tagħha ta’ kuljum lejn Tripli, minħabba l-għeluq tal-ajruport tal-belt.
Fi stqarrija l-Air Malta qalet li dan tħabbar wara li uffiċjali tal-ajruport ta’ Tripli, qalu li l-ajruport jista' jibqa' magħluq għal numru ta' jiem, minħabba tħassib dwar is- sigurtà.
Klijenti bbukkjati fuq titjiriet tal-Air Malta lejn Tripli qed jiġu offruti rifużjoni sħiħa tal-biljetti tagħhom jew il-possibbiltà li jibdlu d-data tat-tluq tagħhom b'xejn.
It-titjiriet tal-Air Malta lejn Benghazi huma wkoll sospiżi wara l-għeluq tal-ajruport f'Mejju ta' din is-sena.