L-Air Malta tfittex rotot ġodda li jħallu profitt

L-Air Malta bdiet il-ħidma kbira biex tibni mill-ġdid it-tim amministrattiv tagħha hekk kif għadha kemm għażlet lil Joseph Galea bħala d-Deputat Kap Kummerċjali.
Galea li għandu 50 sena, ħadem fil-qasam tat-turiżmu Malti għal dawn l-aħħar 23 sena, l-aktar reċentament bħala d-Direttur Internazzjonali għall-Marketing għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. 
Il-Kap Eżekuttiv tal-linja nazzjonali ta’ Malta, Louis Giordimaina qal l-Air Malta tinsab f'salib it-toroq u d-dħul qiegħed taħt pressjoni minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni u s-sospensjoni tar-rotta tal-Libja, waħda mir-rotot li kienet tħalli profitt. 
Giordimaina sostna li l-Kap Kummerċjali u d-deputat tiegħu se ikollhom il-kompitu li jsibu modi ġodda kif jiżviluppaw linja tajba ta' dħul li hija b'saħħitha u sostenibbli, żewġ affarijiet li jkomplu jevadu lil-linja tal-ajru minkejja l-implimentazzjoni kontinwa tal-pjan ta' ristrutturar. 
Il-linja tal-ajru ħarġet ukoll sejħa internazzjonali biex timla l-kariga ta' Kap Uffiċjal Kummerċjali.