L-Air Malta tagħmel telf ta’ €16-il miljun

L-Air Malta naqset bin-nofs it-telf tagħha matul is-sena finanzjarja li spiċċat f’Marzu 2014 u qiegħda tbassar li żżomm il-pożizzjoni tagħha għas-sena li se tintemm f’Marzu 2015.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li dan it-tbassir mistenni li jseħħ minkejja ostakli kbar bħalma huma l-għeluq tar-rotot Libjani u żieda fil-kompetizzjoni fl-aqwa xhur tas-sajf.
Iċ-ċifri annwali mħabbra matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Air Malta wrew li l-linja tal-ajru għamlet telf ta’ €16-il miljun għas-sena li intemmet f’Marzu tal-2014, meta mqabbel ma’ €31 miljun rreġistrat matul is-sena finanzjarja li intemmet f’Marzu tal-2013.
Dan jindika li l-Air Malta qabdet id-direzzjoni t-tajba skont il-Pjan ta’ Ristruttura, għalkemm ma rnexxilhiex tilħaq il-miri annwali ta’ telf ta’ €15 miljun fl-2013 u ta’ profitt fl-2014.
Iċ-Chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef, qalet li s-sena finanzjarja attwali ġiet affettwata direttament mit-telf ta’ €1 miljun fix-xahar bl-għeluq tar-rotot Libjani u żieda ta’ 20% fis-seat capacity ta’ linji tal-ajru oħrajn fl-aqwa xhur.
Micallef enfasizzat dwar l-importanza ta’ strateġija fit-tul tal-Air Malta, lil hinn mill-pjan ta’ ristrutturar.
Sostniet li din hija l-aħħar ċans għall-Air Malta li tkompli topera, filwaqt li saħqet li l-linja nazzjonali tal-ajru se tirnexxi jekk kulħadd jiġbed l-istess ħabel. 

Ritratt: Air Malta