L-Air Malta tagħlaq 45 sena!

Il-linja tal-ajru nazzjonali, l-Air Malta għalqet 45 sena.
Fi stqarrija, l-Air Malta fakkret li kienet twaqqfet mill-Kamra tad-Deputati, fil-21 ta' Marzu 1973.
Il-linja tal-ajru ġiet irreġistrata bħala kumpanija fit-30 ta' Marzu 1973 u sena wara, fl-1 ta' April 1974, operat l-ewwel titjira.
Bi 53,500 passiġġier fl-ewwel sena ta' operat, l-Air Malta llum iġġorr 1.8 miljun passiġġier kull sena u n-numru mistenni jaqbeż it-2 miljun din is-sena.
Mill-ewwel titjira tagħha l-linja tal-ajru ġarret aktar minn 55 miljun passiġġier lejn u minn Malta.
L-Air Malta bdiet taħdem b'żewġ Boeing 720B mikrija bl-ekwipaġġ mill-Pakistan International Airlines (PIA) bl-ewwel titjiriet ikunu lejn Londra u Ruma.
L-ewwel skeda ta’ titjiriet kienet tinkludi l-bliet ta’ Londra, Birmingham, Manchester, Ruma, Frankfurt, Pariġi u Tripli.
Illum l-Air Malta sservi madwar 35 destinazzjoni b'180 titjira kull ġimgħa lejn l-Ewropa, l-Afrika ta' Fuq u l-Mediterran tal-Lvant.