L-Air Malta se żżid it-titjiriet; ara għal fejn

Wara li rreġistrat staġun tax-xitwa 2017/8 u sajf pożittiv, il-Linja tal-Ajru Maltija, qiegħda timmira biex dan l-istaġun iżżid 7% aktar titjiriet meta mqabbel mas-sena li għaddiet b’żieda fil-frekwenzi lejn Londra, Brussell u Palermo. Il-Linja tal-Ajru se tintroduċi wkoll tliet rotot ġodda lejn/minn Lyon u Praga u se tibqa’ topera r-rotta li għadha kemm ġiet introdotta lejn il-kapital tal-Eġittu, il-Kajr.

F’xi jiem l-Air Malta toffri sa 8 titjiriet kuljum bl-aqwa ħinijiet lejn u mill-aqwa ajruporti ta’ Londra. It-titjiriet tax-xitwa lejn Lyon se joperaw tliet darbiet fil-ġimgħa filwaqt li dawk ta’ Praga se joperaw darbtejn fil-ġimgħa.

B’25 destinazzjoni skedata dan l-istaġun, il-Linja tal-ajru qegħdha tippjana li topera 282 titjira fil-ġimgħa.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li kuljum se jkunu servuti 10 destinazzjonijiet kuljum. Dan l-istaġun il-Linja tal-ajru se topera titjiriet diretti lejn Amsterdam, Berlin, Brussell, il-Kajr, Catania, Casablanca, Dusseldorf, Frankfurt, Lisbona, London Gatwick, London Heathrow, Lyon, Kiev, Milan, Moska, Munich, Palermo, Paris Charles De Gaulle, Paris Orly, Praga, Ruma, Tel Aviv, Tunis, Vjenna u Zurich.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku tal-kumpanija jew idħol fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook.