L-Air Malta se tkeċċi 108 bdoti

Read in English.

L-Air Malta ħabbret li minħabba li ma laħqetx ftehim mal-unjins kollha tal-ħaddiema tagħha, se jkollha fost l-oħrajn tkeċċi 80% tal-bdoti tagħha, jiġifieri 108 bdoti.  

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li l-imxija tal-coronavirus affettwat il-kumpanija b’mod sostanzjali. Fissret li dan mhux biss għax qed tagħmel miżerjament żewġ titjiriet kuljum (minflok medja ta’ 20 kuljum), imma wkoll minħabba l-ammont straordinarju ta’ kanċellazzjonijiet u rimborsi li kellha tagħmel, kif ukoll spejjeż ta’ rutina.

Il-linja nazzjonali tal-ajru rrimarkat li l-kriżi tal-Covid-19 iġġammjat it-turiżmu li jfisser li d-dħul mill-bejgħ tal-biljetti sparixxa. Spjegat li bħalissa qed tagħti servizz lill-pajjiż biex iġġib lura liċ-ċittadini Maltin li nqabdu barra minn Malta, kif ukoll biex iddaħħal merkanzija li tinkludi tagħmir mediku u provvisti.

X’offriet l-Air Malta lill-unjins?

Il-kumpanija qalet li offriet lill-unjins li jirrappreżentaw sezzjonijiet differenti tal-impjegati tagħha, biex jaqblu dwar paga medja ta’ €1,200. Dan bħala dħul bażiku għal dawk li għandhom kuntratti definiti u indefiniti – impjegati amministrattivi, inġinieri, membri tal-ekwipaġġ u bdoti. Dawn idaħħlu €1,200 fix-xahar anke jekk ma jkunx meħtieġ li jaħdmu u joqogħdu d-dar. L-Air Malta spjegat li dan kien ifisser li ħadd mill-ħaddiema ma jispiċċa bla xogħol inkluż dawk b’kuntratt definit.

Kif wieġbu l-unjins?

L-Air Malta qalet li minkejja li offriet l-istess proposta lill-unjins kollha, l-unjin tal-inġiniera biss fehmet is-sitwazzjoni mwiegħra li tinsab fiha l-kumpanija, u aċċettat il-proposta b’vot ta’ 90% tal-membri tagħha.

Minn naħa l-oħra, l-Unjin tal-Membri tal-Ekwipaġġ (UCC) m’aċċettax l-offerta u ngħatat ċans erba’ darbiet biex tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha. Madanakollu skont l-Air Malta l-unjin ma riditx li l-impjegati kollha jingħataw €1,200.

Intant, l-ALPA, l-unjin li tirrappreżeta lill-bdoti tal-Air Malta lanqas aċċettat l-offerta u talbet lil-linja tal-ajru biex tagħmel offerti oħra. L-Air Malta fissret li dan wassal biex il-kumpanija infurmat lill-impjegati tagħha li ffirmaw ftehim kollettiv mal-UCC u l-ALPA, li spiċċaw bla xogħol.

Kemm se tkeċċi ħaddiema?

L-Air Malta bħalissa għandha 333 impjegat li ffirmaw ftehim kollettiv mal-UCC. Minn dawn, 188 għandhom kuntratt indefinit, filwaqt li 145 għandhom kuntratt fiss. Dawn tal-aħħar diġà ġew infurmati li l-impjieg tagħhom mhux se jiġi estiż. Barra minn hekk 139 mill-188 ukoll se jispiċċaw bla xogħol. 

Il-kumpanija timpjega wkoll 134 impjegat imsieħba mal-ALPA u li kollha għandhom kuntratt indefinit. L-Air Malta qalet li 108 bdoti se jispiċċaw bla xogħol. Dawk li se jinżammu se jkunu biżżejjed għall-operat kurrenti li mistenni jtul għal xhur sħaħ.

Il-kumpanija ħabbret li l-maniġment tal-Air Malta diġà aċċetta tnaqqis sostanzjali fil-pagi, kif ukoll it-tneħħija ta’ allowances, minkejja li għadhom qed jaħdmu biex isalvaw il-linja tal-ajru f’din is-sitwazzjoni.

Fi kliem l-Air Malta, l-unjins ma kinux sensittivi biżżejjed f’din l-agħar kriżi li qed taffaċċja l-industrija tal-avjazzjoni. Innutat li linji oħra tal-ajru fl-Ewropa diġà keċċew eluf ta’ ħaddiema.

L-ALPA tispjega l-pożizzjoni tagħha

Intant, fi stqarrija, l-ALPA qalet li l-Air Malta għandha l-intenzjoni li tkeċċi 108 piloti, jiġifieri 80% tagħhom. L-assoċjazzjoni qalet li hi ma rrifjutat l-ebda proposti li jirrikjedu sagrifiċċji mill-membri tagħha. Fakkret kif fl-2004, il-membri tagħha kellhom is-salarji tagħhom imnaqqsa u anke ffriżati għal numru ta’ snin minħabba s-sitwazzjoni dinjija.

L-ALPA qed tinsisti li l-piż għandu jinqasam bejn kull impjegat, mill-kbir saż-żgħir. Wegħdet li hi lesta li ġġor piżha jekk issir konsultazzjoni xierqa. Qalet li l-Air Malta rrikorriet għand id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u għall-Impjiegi (DIER) mingħajr ma esplorat possibilitajiet oħra.

L-assoċjazzjoni ħeġġet lill-Kap Eżekuttiv Clifford Chetcuti biex ikun trasparenti dwar it-tnaqqis fil-salarju tiegħu, li allegatament ilaħħaq it-€300,000, qabel ma jitlob lil bdoti biex is-salarji tagħhom jonqsu b’90%.