“L-Air Malta se tibqa’ f’idejn il-Maltin” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Air Malta se tkun qed tibqa’ f’idejn il-Maltin, waqt li ddeskriva l-iffirmar tal-memorandum of nnderstanding mal-Air Malta u l-Etihad Partners bħala jum importanti għall-pajjiżna.
Waqt li kien qed jieħu sehem f’roundtable conference mtella’ mill-Forum Żgħażagħ Laburisti, il-Prim Ministru qal li dan huwa biss l-ewwel pass ta’ negozjati diffiċli biex tkun salvata l-Linja Nazzjonali tal-Ajru.
Irridu dejjem nipproteġu l-ħaddiema
Il-Prim Ministru saħaq li b’dak li qed isir, il-Gvern qed iżomm dejjem quddiem għajnejh lill-ħaddiema u li l-Linja Nazzjonali tal-Ajru tibqa’ f’idejn il-Maltin.
Fakkar li l-maġġoranza tal-ishma ser jibqgħu f’idejn il-Gvern iżda kien hemm bżonn “gamechanger għax writniha f’sitwazzjoni diffiċli,” saħaq Muscat.
Il-Mexxej Laburista qal li jekk il-qbil ikun tajjeb għal Malta, il-Gvern se jmur għalih, imma jekk le jingħalaq minnufih.
"Ma nistgħux nibnu swar madwarna iżda lanqas naċċettaw kollox"
Huwa hu jwieġeb mistoqsijiet dwar l-intergazzjoni, Joseph Muscat qal li ma jixtieqx li Malta tagħmel l-iżbalji li għamlu pajjiżi oħra f’dik li hi integrazzjoni.
“Iridu nifhmu u nidraw lil kulħadd mingħajr ma nibnu swar madwarna u iżda xorta mingħajr ma naċċettaw kollox,” stqarr Dr Muscat. “Pajjiżna għandu jkun simbolu tal-progress u l-paċi fil-Mediterran.”
"Irridu nesploraw fast-ferry service bejn iż-żewġ gżejjer"
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar Għawdex u qal li jaqbel mal-mina, imma sakemm issir hemm bżonn li jiġu esplorati alternattivi oħra fosthom fast-ferry service bejn Malta u Għawdex.
"Dwar iż-Żonqor l-affarijiet setgħu saru aħjar"
Tkellem ukoll dwar l-ambjent u qal li l-Gvern ma għandux pjan li juża art ODZ.
Dwar l-art fiż-Żonqor ammetta li l-affarijiet setgħu saru aħjar għalkemm jemmen li l-kompromess li ntlaħaq huwa apprezzat.  
"Daqt jitnieda charter tad-drittijiet tal-ħaddiema "
Il-Mexxej Laburista tkellem dwar l-employability index u semma kif permezz tiegħu, studenti se jkunu mgħarrfa bl-opportunitajiet tax-xogħol li jeżistu skont il-kors tagħhom.
Qal li dalwaqt ikun imniedi iċ-charter tad-drittijiet tal-ħaddiema, drittijiet li se jkunu mwassla fid-djar biex kulħadd ikun jista’ jarahom, tenna l-Prim Ministru. 
Fost affarijiet oħra Muscat qal li ma jaqbilx li tiżdied l-età tal-irtirar, tkellem dwar il-bżonn ta’ aktar aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol u anke dwar il-parteċipazzjonjiet ta’ studenti fl-istituzzjonijiet edukattivi.