L-Air Malta twiegħed li tipproċessa t-talbiet ta’ rifużjoni tal-klijenti sa Ottubru

Photo: Facebook/Airmalta

L-Air Malta qalet li hija kommessa li tipproċessa t-talbiet kollha tal-klijenti, dawk ta’ rifużjoni jew vawċers, sa Ottubru li ġej.

Dan wara li l-linja tal-ajru rċeviet mal-40,000 talba għal rifużjoni, buking ġdid jew għażla ta’ wieħed mill-vawċers offruti, wara li kellha tħassar ‘il fuq minn 5,000 titjira minħabba l-imxija tal-coronavirus. Dan peress li Malta għalqet il-portijiet kollha tagħha u l-ajruport biex tiġi kkontrollata din l-imxija.

Fi stqarrija maħruġa llum, l-Air Malta wiegħdet li tonora t-talbiet għal rifużjoni kollha li rċeviet mingħand nies li kellhom isiefru, kif ukoll tipproċessa waħda mit-tliet għażliet ta’ vawċers offruti lill-klijenti biex jibbukkjaw titjiriet futuri.

L-ajruport se jiftaħ mill-ġdid fl-1 ta’ Lulju, imma se jsiru biss titjiriet lejn u minn 19-il pajjiż fejn l-imxija tal-coronavirus hija waħda kkontrollata.

Il-waqfien tat-titjiriet minn u lejn Malta fixkel il-pjanijiet ta’ aktar minn nofs miljun passiġġier, u ħoloq problemi finanzjarji għall-kumpanija, tant li kienet se tkeċċi għadd sostanzjali mill-ħaddiema tagħha. Il-ġimgħa li għaddiet, il-cabin crew tal-Air Malta laħqu ftehim mat-tmexxija tal-kumpanija u mal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri biex jiġu salvati x-xogħlijiet. Id-diżgwid bejn l-Air Malta u l-bdoti għadu mhuwiex solvut.

L-Air Malta stqarret li, “Tabilħaqq hija sitwazzjoni bla preċedent u l-linja tal-ajru mobilizzat numru kbir ta’ riżorsi addizzjonali minn madwar il-kumpanija biex tipproċessa dawn it-talbiet. L-Air Malta tifhem it-tħassib tal-klijenti bid-dewmien sabiex jirċievu tweġibiet, madankollu, sfortunatament, huwa impossibbli li kulħadd jircievi risposta f’waqtha. Għat-trasparenza u biex tistabbilixxi l-aspettattivi t-tajba, il-linja tal-ajru impenjat ruħha biex tipproċessa t-talbiet sal-aħħar ta’ Ottubru. Għalkemm qed jieħu aktar ħin milli normali, il-linja tal-ajru tibqa’ impenjata li tonora kull talba,” żiedet l-Air Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn