L-Air Malta keċċiet il-bdoti mingħajr rapport dwar is-sigurtà – ALPA

Read in English.

L-unjin tal-bdoti qed tallega li l-Air Malta keċċiet il-bdoti mingħajr ma lestiet rapport dwar is-sigurtà kif jitolbu r-regoli.

Fi stqarrija l-Airline Pilot Association (ALPA) qalet li d-deċiżjoni għat-tkeċċijiet u għad-demotions ta’ għadd ta’ bdoti oħra saret mingħajr Safety Risk Assessment skont kif jitlob is-Safety Management System Manual tal-linja tal-ajru. L-ALPA qalet li dan huwa rikjest ukoll mid-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili ta’ Transport Malta.

Skont l-ALPA bħalissa l-Air Malta tista’ tuża madwar 30 pilota għat-titjiriet li ġejjin.

L-unjin qalet li r-responsabbilità legali għall-irregolarità u kull konsegwenza li taf tinqala’ issa tistrieħ fuq il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Clifford Chetcuti.

L-ALPA qalet li l-avukat tal-Air Malta Dr Galea Cavallazzi għamilha ċara li l-linja tal-ajru ma kinitx se tiltaqa’ mal-unjin. L-ALPA qalet li hi lesta li tiltaqa’ mal-Air Malta.

L-unjin temmet tgħid li l-Air Malta spiċċat ukoll fil-Hall of Shame Ewropew minħabba l-aġir tagħha.

L-Air Malta tiċħad li s-sigurtà qed tiġi kompromessa

F’reazzjoni għal dak li qalet l-ALPA, l-Air Malta ċaħdet li s-sigurtà qed tiġi kompromessa.

Fi stqarrija l-Air Malta qalet li “risk assessments saru u xorta qed isiru hekk kif is-sitwazzjoni tevolvi.”

Il-linja akkużat lill-ALPA li tidher li qed tagħmel dak kollu li tista’ biex tkisser ir-reputazzjoni tas-sigurtà tal-Air Malta.

L-Air Malta qalet li hija lesta tidħol f’diskussjonijiet biex jintlaħaq ftehim.