L-Air Malta b’verżjoni ġdida tas-sit elettroniku

L-Air Malta nediet verżjoni ġdida tas-sit elettroniku tagħha www.airmalta.com f’wieħed modern bl-aħħar tekonologija. Issa l-klijenti għandhom isibuha aktar faċli li jfittxu fis-sit li issa joffri funzjonijiet u servizzi addizzjonali lill-klijenti fosthom l-aqwa offerti personalizzati skont fejn ikun jinsab il-klijent.
Bid-disinn minimalistiku ġdid tagħha, il-paġna ewlenija issa qiegħda tiffoka fuq kif wieħed jagħmel prenotazzjoni b’mod aktar faċli u tippreżenta l-aħjar tariffi disponibbli lill-klijenti.
Id-disinn il-ġdid tas-sit għandu l-għan li jtejjeb l-esperjenza ta’ min jużah billi jipprovdi aċċess aktar faċli u mgħaġġel għall-informazzjoni permezz ta’ informazzjoni aktar strutturata ta’ kif wieħed jista’ jesplora l-kontenut u jaċċessa l-funzjonijiet ewlenin fis-sit elettroniku. Is-sit għandu l-għan li jżid il-personalizzazzjoni ta’ kull utent bl-użu ta’ cookies li jiftakru l-għażliet tiegħu.
www.airmalta.com tattira ’l fuq minn 6 miljun viżitatur fis-sena  u l-linja tal-ajru hi fiduċjuża li b’dawn it-tibdiliet, in-numru tal-viżitaturi se jkompli jiżdied.
Is-sit huwa disponibbli f’seba’ lingwi li huma l-Malti, l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan, il-Franċiż, ir-Russu u l-Olandiż. Dan filwaqt li l-konfigurazzjonijiet jinbidlu skont il-preferenzi tal-lingwa tal-browser tal-utent.