L-Air Malta b’titjiriet lejn 22 destinazzjoni

Photo: Facebook/Airmalta

Read in English.

Il-linja tal-ajru Air Malta se tkun qed topera titjiriet lejn 22 destinazzjoni matul is-sajf tal-2020. Dan wara li llum ħabbret iż-żied ta’ 12-il destinazzjoni ġdida għall-bejgħ.

Fi stqarrija, il-linja tal-ajru spjegat li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ilu aktar minn tliet xhur magħluq għal titjiriet kummerċjali. Issa l-Air Malta se tkun qed tibda l-iskeda tagħha tas-sajf minn nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Lulju b’titjiriet lejn pajjiżi fl-Ewropa.

Mill-1 ta’ Lulju, l-Air Malta se tkun qed tħaddem titjiriet lejn Ruma, Lyon u Mareseille flimkien mad-destinazzjonijiet imħabbra qabel li huma Katanja, Munich, Frankfurt, Berlin, Dusseldorf, Vjenna, Zurich, Ġinevra, u Praga.

Imbagħad, mill-15 ta’ Lulju, il-Linja tal-Ajru Maltija se tibda wkoll ittir b’mod kummerċjali lejn Amsterdam, Brussell, Milan, Londra (Heathrow), Lisbona, Madrid, Palermo u Pariġi (Charles De Gaulle u Orly). 

F’Awwissu, l-Air Malta se terġa’ tibda ttir minn u lejn Manchester. 

Intant, belt ‘ġdida’ fil-lista tad-destinazzjonijiet hija Madrid. Wara pawża ta’ aktar minn 10 snin, fit-18 ta’ Lulju, l-Air Malta se terġa’ tibda s-servizzi skedati lejn il-belt kapitali Spanjola, Madrid.

Qalet ukoll li t-titjiriet imħabbra lejn il-Lussemburgu issa se jiġu trasferiti lejn Brussell ħlief għat-titjiriet ippjanati lejn il-belt fl-4 u fil-11 ta’ Lulju li se jiġu operati kif skedat. 

Il-prezzijiet tat-titjiriet jibdew minn €39 f’direzzjoni waħda u huma disponibbli online u mingħand l-aġenti tal-ivvjaġġar lokali u barranin kollha. 

Il-klijenti li t-titjiriet tagħhom se jkunu kkanċellati mil-linja tal-ajru u li jixtiequ jivvjaġġaw fuq it-titjira disponibbli tal-Air Malta li jmiss jistgħu jagħmlu kuntatt mal-kumpanija fuq +356 25991230. Jekk ikunu jixtiequ jivvjaġġaw f’data aktar tard, jistgħu jagħżlu waħda minn żewġ għażliet disponibbli fuq is-sit tal-linja tal-ajru. 

Intant, il-kundizzjonijiet normali tal-biljetti se japplikaw għall-klijenti li jixtiequ jibdlu l-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom jekk it-titjira tagħhom tkun skedata li se topera b’mod normali.

Il-linja tal-ajru talbet sabiex il-pubbliku jżomm ruħu aġġornat dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ ta’ pajjiżi individwali. Qalet li huwa rakkomandabbli li l-klijenti jiċċekkjaw u jsegwu r-rekwiżiti tad-dħul fil-pajjiż li jkunu se jżuru qabel jivvjaġġaw. Tista’ tara dettalji relatati ma’ dan minn hawn.   

Intant, il-kumpanija se tkun qed tħabbar il-protokolli l-ġodda tagħha dwar is-Saħħa u s-Sikurezza tal-Air Malta li se jaffettwaw lill-klijenti.