L-Air Malta bi skeda ta’ titjiriet ta’ ripatrijazzjoni; Applika sal-21 ta’ Marzu

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Air Malta ħabbret li se tibda skeda ġdida bl-isem ta’ ‘lifeline schedule’ li se tara li persuni li jinsabu maqbuda Malta jkollhom passaġġ lura pajjiżhom. Intant il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħeġġeġ liċ-ċittadini Maltin u residenti fil-pajjiż sabiex jirreġistraw sal-21 ta’ Marzu biex jingħataw l-għajnuna għar-riptarijazzjoni.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li bdiet skeda ġdida ta’ titjiriet bil-għan li tiffaċilità l-vjaġġi barra mill-pajjiż għal persuni barranin li spiċċaw maqbudin Malta. L-iskeda se tkun qed tassigura wkoll konnettività bejn il-pajjiżi għal każi mediċi kritiċi kif ukoll trasportazzjoni ta’ apparat mediku u mediċini lejn Malta.

L-iskeda l-ġdida se tkun qed tħaddem titjiriet lejn Londra, Pariġi, Amsterdam, Brussell, Franfurt u Vjenna u mistennija tibda fit-23 ta’ Marzu. L-iskeda mistennija tinbidel skont il-bżonn.

Qalet li huma ftit minn dawn it-titjiriet li se jkunu jistgħu jiġu reservati mill-pubbliku onlajn permezz ta’ www.airmalta.com jew l-aġenti tal-ivjaġġar u s-sistemi tagħhom. Dawn se jkunu jistgħu jintużaw biss minn klijenti li juru bi prova li huma qed jivvjaġġaw lura lejn darhom fiż-żona Schengen u fir-Renju Unit billi juru passaport validu jew dokumenti ta’ residenza fil-pajjiż in kwistjoni.

Mhux se jkun hemm servizz ta’ onlajn check-in sabiex ikun jista’ jsir kontroll assolut fuq il-validità tal-passiġġieri. Dawn kollha mistennija jippreżentaw lilhom innifishom sagħtejn u nofs qabel il-ħin tat-tluq tat-titjira.

Assistenza se tingħata biss lil dawk li jirreġistraw sal-21 ta’ Marzu

Persuni li għandhom passaport Malti jew permess validu ta’ residenza u li bħalissa jinsabu maqbudin f’pajjiż ieħor u li mhux se jirnexxielhom jaslu Malta sa nofsillejl bejn l-20 u l-21 ta’ Marzu qed jintalbu jikuntattjaw lis-Situation Centre fil-Ministru għall-Affarijiet Barranin sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Marzu.

Il-Ministeru fi stqarrija fakkar lil dawk kollha li qed jivjaġġaw li t-titjiriet kollha lejn Malta se jiġu sospiżi wara l-20 ta’ Marzu minn 11.59pm ‘il quddiem. Il-Ministeru qal li se jipprova jassisti lil dawk kollha li qed jippruvaw jirritornaw lejn Malta minn żoni fejn it-titjiriet diġà ġew imħassra jew se jitħassru.

Il-Ministeru avża li min ma jirreġistrax sal-21 ta’ Marzu, mhux se jingħata l-assistenza. Intant fakkar li mar-ritorn tagħhom, dawn iridu joqgħodu taħt kwarantina mandatorja għal 14-il jum.

Il-Ministeru ħeġġeġ liċ-ċittadini u r-residenti tar-Renju Unit sabiex jikkuntattjaw lill-operaturi tal-ivvjaġġar tagħhom jew lill-kumpanija tal-ajru sabiex jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex jitilqu mill-pajjiż kemm jista’ jkun malajr. Bl-istess mod, iċ-ċittadini Maltin li jinsabu fir-Renju Unit qed jintalbu jikkuntattjaw lill-High Commission f’Londra sabiex jirreġistraw it-talba għall-għajnuna mhux aktar tard mill-21 ta’ Marzu f’11.59pm.

Il-PN b’apprezzament

Intant, il-Partit Nazzjonalista wera l-apprezzament tiegħu lejn id-diplomatiċi u impjegati fl-Ambaxxati, High Commissions, Konsolati u uffiċċji varji kif ukoll direttament fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fl-isforzi li wettqu u qegħdin jitwettqu.

L-istqarrija tgħid li, “Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja, jissolleċita u jsostni l-isforzi li qegħdin isiru mill-Ministeru sabiex d-diplomatiċi tagħna u l-impjegati jiġi lilhom assigurat l-aqwa protezzjoni għas-saħħa personali tagħhom fil-pajjiżi varji fejn jinsabu. Huwa determinanti li biex din l-ħidma diplomatika tibqa’ għaddejja din l-assigurazzjoni medika tigi reġistrata f’kull post. Iktar u iktar f’postijiet fejn l-kundizzjonijiet u l-livell tas-servizz mediku li hemm provdut mhux l-istess bhal dak li ċittadini jgawdu f’dawn l-gżejjer.”

Wieħed jista’ jċempel lill-High Commission fuq 0044 (0) 7836503990.

Għal dawk li qed jivjaġġaw minn barra l-Unjoni Ewropea, il-Ministeru hu tal-parir li jagħmlu dan permezz ta’ titjiriet lejn Malta minn Londra jew Frankfurt.

Ċittadini Maltin u residenti f’Malta jistgħu jikkuntattjaw lis-Situation Centre fuq +356 2204 2200 jew permezz ta’ email fuq sitcen.mfea@gov.mt.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn