L-Air Malta b’roħs fuq aktar minn miljun post fuq it-titjiriet tagħha

L-Air Malta nediet kampanja li toffri skont ta’ 25% fuq aktar minn miljun post fuq it-titjiriet skedati tagħha minn u lejn Malta.  

Il-Kap Uffiċjal Kummerċjali tal-Air Malta Philip Saunders sostna li din hija opportunità kbira għall-Maltin kif ukoll għall-barranin biex jixtru titjira bl-irħis ma’ l-Air Malta, bl-opportunità li jagħżlu d-dati fuq perjodu ta’ disa’ xhur sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej.

Hu qal li l-Air Malta qed toffri skont ta’ 25% lejn 23 destinazzjoni fuq aktar minn miljun post.

Intqal li dan ir-roħs, li beda llum, ser ikun disponibbli għal tmient ijiem sal-Ħadd li ġej f’nofsillejl. Fost id-destinazzjonijiet offruti mill-Air Malta hemm Londra, Munich, Frankfurt, Dusseldorf, Hamburg, Berlin, Amsterdam, Brussell, Pariġi, Vienna, Ruma, Milan, Catania, Ateni u Istanbul.

Intqal li bejn Ottubru u Marzu li għadda, 680,000 passiġġier ivvjaġġaw fuq it-titjiriet tal-Air Malta, jiġifieri żieda ta’ 40,000 passiġġier meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.