L-Air Malta b’offerti fuq l-iskeda tat-titjiriet tax-xitwa

L-Air Malta bdiet tħaddem l-iskeda tax-xitwa tagħha. B’aktar minn 210 titjira diretta fil-ġimgħa, flimkien man-network tat-titjiriet code-shared mal-imsieħba tagħha, l-Air Malta qiegħda toffri diversi opportunitajiet għat-turisti biex jżuru l-gżejjer Maltin matul ix-xitwa.
Din ix-xitwa l-Air Malta se tibda topera titjiriet diretti bla waqfien kemm lejn Amsterdam kif ukoll lejn Brussell. Wara żieda fid-domanda minħabba s-suċċess tal-introduzzjoni tal-ftehim ta’ code-sharing ma’ KLM, il-linja tal-ajru issa tinsab f’pożizzjoni li toffri servizzi diretti minflok rotazzjonijiet ikkombinati bejn Malta, Amsterdam u Brussell.
Din ix-xitwa li ġejja l-Air Malta qed topera medja ta’ titjiriet diretti u skedati kull ġimgħa lejn u minn Algiers, b’żewġ titjiriet, Amsterdam, b’erba’ titjiriet, Ateni, b’żewġ titjiriet, Berlin, bi tliet titjiriet, Brussell, b’seba’ titjiriet, Katanja, b’disa’ titjiriet, Dusseldorf, b’ħames titjiriet, Frankfurt, b’sitt titjiriet, Ħamburg, b’żewġ titjiriet, Londra Gatwick u Londra Heathrow u b’seba’ u erbatax-il titjira rispettivament.
Ma’ dawn hemm ukoll Manchester, b’erba’ titjiriet, Milan Linate, b’ħames titjiriet, żewġ titjiriet lejn Moska Domodedovo, Munich, b’seba’ titjiriet, Pariġi Charles de Gaulle b’sitt titjiriet, Pariġi Orly b’erba’ titjiriet, Ruma b’seba’ titjiriet,, Vjenna b’erba’ titjiriet u Zurich b’seba’ titjiriet.