L-Air Malta b’Electronic Flight Bag fil-cockpit

L-Air Malta qed tintroduċi ‘Electronic Flight Bag’ ibbażat fuq l-iPad u b’hekk tipprovdi lill-bdoti b’aċċess faċli għall-informazzjoni aġġornata dwar it-titjiriet, ċarts, mapep, u għodda ta’ navigazzjoni oħra li jistgħu ikunu utli.

L-Air Malta sostniet li s-sistema hi maħsuba biex tħaffef ix-xogħol tal-bdoti, iżżid l-għarfien tas-sitwazzjoni matul titjira, filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż operattivi permezz ta’ konsum aktar baxx ta’ fjuwil abbażi ta’ ffrankar ta’ piż. Dan hekk kif il-basket li jġorr bdot miegħu jiżen madwar 25 kilogramma.

Intqal li l-Air Malta minn dejjem kienet minn ta’ quddiem nett biex tipprovdi lill-bdoti tagħha b’għodda u sistemi mill-aktar avvanzati għall-ippjanar tat-titjiriet u għalhekk l-iPads ser jagħtu lill-bdoti aċċess faċli u aktar veloċi għall-informazzjoni aktar preċiża u dan sabiex l-Air Malta ttir b’mod aktar effiċjenti u sikur.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Peter Davies, qal li jinsab kburi li l-Air Malta hi fost l-ewwel linji tal-ajru fid-dinja li qed tintroduċi din it-teknoloġija fil-cockpit.