L-Air China mhux se tkun involuta fl-Air Malta

M’huwiex minnu li l-Gvern qed jippjana li jinvolvi lil Air China fl-operat tal-Air Malta.
Fi stqarrija, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis iddikjara li l-informazzjoni li ħarġet fil-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-Air Malta hija falza u invenzjoni mill-bidu sal-aħħar.
Dan wara li rapport qal li l-Gvern qed jippjana li jinvolvi direttament lill-kumpanija tal-ajru Ċiniża, Air China, fl-operat tal-Air Malta. 
L-Air Malta bħalissa tinsab għaddejja bil-pjan ta’ ristrutturar hekk kif miftiehem mal-Unjoni Ewropea, bit-tama li sa sena u nofs oħra, il-linja nazzjonali tal-ajru tkun qed topera mingħajr telf.
L-Air Malta naqset bin-nofs it-telf tagħha matul is-sena finanzjarja li spiċċat f’Marzu 2014, hekk kif irreġistrat telf ta’ €16-il miljun.
Intant f’intervista f’The Malta Independent on Sunday, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Philip Micallef qal li hu determinat li jkompli jimplimenta l-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta biex b’hekk il-linja tal-ajru tattira aktar lil min lest jinvesti fiha.
Il-Kap Eżekuttiv Philip Micallef qal ukoll li l-Air Malta għandha l-assi, fosthom landing slots hekk kif hu diffiċli li f’xi ajruporti fl-Ewropa, fosthom f‘Heathrow, linja tal-ajru tingħata slot biex tkun tista' topera titjira minn u lejn dan l-ajruport.