L-aħwa Sultana jkomplu jibbrillaw fl-isquash

It-tliet aħwa Sultana, Kijan, Lijana u Colette kollha kellhom prestazzjonijiet eċċellenti f’kompetizzjonijiet Ewropej tal-isquash matul dawn l-aħħar ġimgħat.
F’tournament fi Vjenna, Kijan Sultana rebaħ midalja tad-deheb fl-Austrian Junior Open fil-kategorija tas-subien ta’ taħt il-15-il sena. Dan kien it-tieni titlu tiegħu fl-Ewropa f’din il-kategorija.
Sultana beda l-kompetizzjoni b’rebħa komda ta’ 3-0 kontra František Procházka mir-Repubblika Ċeka. Fil-kwarti tal-finali Kijan kien wisq b’saħħtu għaċ-Champion Kroat Jan Cerovac, bil-Malti jirbaħ il-logħba 11-5, 11-7, 11-0.
L-avversarju li jmiss kien Yanai Ramot minn Iżrael li kien għadu kif għeleb lis-seed numru tnejn tat-tournament il-ġurnata ta’ qabel. Is-semifinali bejn Sultana u Ramot kienet waħda kumbattuta sew imma kien il-Malti li ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 11-8, 9-11, 13-11, 11-9.
L-aħħar logħba tat-tournament għal Kijan kienet il-finali kontra t-top seed Philip Georgiev mill-Bulgarija. Iċ-Champion nazzjonali tal-Bulgarija beda tajjeb ħafna u rnexxielu jieħu l-ewwel sett 11-4. Però, kien il-Malti li rebaħ id-dwell għax b’reazzjoni ferm tajba ħareġ minn fuq fit-tliet logħbiet ta’ wara, 12-10, 13-11, 11-9 u b’hekk rebaħ dan it-titlu prestiġġjuż.
Dan ir-riżultat impressjonanti tella’ lil Kijan Sultana minn numru 18 għan-numru 6 fir-rankings Ewropej. Iċ-Ċhampion Malti għad fadallu 10 xhur oħra f’din il-kategorija u mistenni jkompli tiela’ fir-rankings.
Oħt Kijan iż-żgħira, Lijana Sultana pparteċipat fl-istess tournament fl-Awstrija fil-kategorija tal-bniet ta’ taħt it-13-il sena. Lijana tilfet logħba waħda u rebħet tlieta biex spiċċat fid-9 pożizzjoni minn 16. Dan kien riżultat pożittiv ħafna għaċ-ċkejkna li għad għandha biss 11-il sena u li kienet qed tikkompeti għall-ewwel darba f’ranking tournament tal-Ewropa.
Fl-ewwel round Lijana lagħbet tajjeb ħafna biex ħadet sett minn erba’ lil Eva Klimešová mir-Repubblika Ċeka. Però, Klimešová – li hija aktar minn sena akbar minn Lijana – kienet wisq b’saħħitha għall-Maltija. Sultana kompliet il-kompetizzjoni b’rebħiet komdi kontra r-Rumena Andreea Denisa Ghiorghisor u kontra Gastl Katharina mill-Awstrija. L-aħħar logħba ta’ Lijana kienet waħda verament kumbattuta. Il-Maltija lagħbet ferm tajjeb u ħarġet rebbieħa f’ħames sets 8-11, 11-9, 10-12, 11-9, 11-6, kontra Kristina Begeba mill-Ukrajina.
Oħthom il-kbira, Colette Sultana wkoll għamlet suċċess tajjeb fl-aħħar ġimgħat. Colette rebħet midalja tal-fidda f’kompetizzjoni Professjonali Closed Satellite f’Riccione, fl-Italja. Sultana bdiet it-tournament b’rebħa komda ta’ 3-0 kontra l-plejer Taljana Katiuscia Grossi. Wara, il-kampjonessa Nazzjonali ta’ Malta kien imissha tilgħab kontra l-kampjonessa nazzjonali tal-Italja Monica Menegozzi fis-semifinali. Il-Maltija kellha tilgħab tajjeb ħafna biex irnexxiela tirbaħ 3-1. Fil-finali Colette Sultana tilfet kontra l-kampjonessa nazzjonali tal-Iżvizzera Cindy Merlo.
Din il-midalja tal-fidda hija riżultat pożittiv ferm għall-Maltija li għad għandha biss 22 sena u li għadha kemm bdiet karriera professjonali fl-isquash. Colette ħerqana għal aktar suċċessi f’kamjonati professjonali kif ukoll għal-logħob tal-Commonwealth li se jsiru x-xahar id-dieħel fil-Gold Coast l-Awstralja.
Colette, Kijan u Lijana Sultana huma appoġġjati mill-Kumitat Olimpiku Malti, Sport Malta, Malta Squash u mill-kowċ tagħhom Bradley Hindle Deguara.