L-aħwa Degiorgio: Spjegat għaliex ma jistgħux joħorġu bit-tags

Iż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia ma jikkwalifikawx għall-electronic tagging biex b’hekk ikunu jistgħu jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

L-aħwa George u Alfred Degiorgio għaddejjin bi proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn qed jitolbu l-ħelsien mill-arrest.

Fil-Qorti Kostituzzjonali xehed id-Direttur tal-Ħabs, Alex Dalli, li tkellem dwar l-electronic tagging, proġett pilota li ġie introdott fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal dawk il-priġġunieri li jkunu qed isservu sentenza ta’ ħabs. Huwa spjega li dawn il-priġġunieri ikunu jistgħu joħorġu mill-ħabs waqt li qed isservu s-sentenza filwaqt li jkunu ssorveljati permezz ta’ apparat eletroniku magħruf bħala electronic tagging.

Dalli spjega kif il-priġġunier jingħata din il-possibilità wara li jkun deher quddiem il-Bord tal-Ħabs u jingħataw id-dritt li jagħmlu xogħol qabel ma jservu s-sentenza u xogħol fil-komunità. Din il-miżura ġeneralment tingħata fit-tmiem i-sentenza u wara li jkun hemm assessjar tal-imġieba tal-persuna. Dalli sostna li dan il-proġett huwa intenzjonat li jipprovdi lill-priġġuniera bil-possibilità li jiġu interġrati lura fis-soċjetà.

Fix-xhieda tiegħu Dalli spjega li din il-miżura mhix possibbli f’każ ta’ arrest preventiv.