L-aħwa Degiorgio: Maġistrat flok Imħallef għall-każ tal-ħasil tal-flus

Read in English.

Il-każ tal-ħasil tal-flus tal-aħwa Degiorgio, tnejn mill-allegati qattiela tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, se jiġi deċiż minn Maġistrat flok Imħallef.

Din id-deċiżjoni jista’ joħodha biss l-Avukat Ġenerali. Ġiet deċiża wara li l-prosekuzzjoni ddikjarat li m’għadx fadal evidenza x’turi.

Il-Kodiċi Kriminali tagħti l-poter lill-Avukat Ġenerali biex jiddeċiedi jekk l-akkużi jistgħux jinstemgħu minn Qorti Maġisterjali, minflok minn Imħallef. Dan meta ma jkunx hemmx biżżejjed ċirkostanzi li l-każ jinstema’ minn Qorti Kriminali.

It-tnejn, ma’ sieħba ta waħda minnhom, dehru quddiem il-Qorti akkużati b’ħasil tal-flus peress li għalkemm jgħixu ħajja lussuża fejn għandhom karozzi u dgħajjes sbieħ, huma rreġistrati biex jirċievu l-għajnuna soċjali. It-tlieta li huma ħallsu dejjem bi flus kontanti, mill-kera tal-appartament, miżati tal-iskola, dgħajjes u karozzi. Dan inkixef meta ġew investigati għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Maġistrat Joe Mifsud kien ta l-ħelsien proviżorju mill-arrest lil Alfred (il-Fulu) u George (iċ-Ċiniż) Degiorgio fejn jidħlu akkużi ta’ ħasil ta’ flus f’Ottubru tal-2018. Intant is-sieħba ta’ George Degiorgio, Adelina Pop li wkoll kienet involuta fil-każ kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest f’seduta preċedenti.