L-aħwa Degiorgio jridu li titneħħa parti mix-xhieda tal-FBI

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Avukat William Cuschieri, li qed jiddefendi lill-aħwa Degiorgio, talab lill-Qorti biex parti mix-xhieda tal-FBI titneħħa mir-rekords.

L-avukati tat-tliet irġiel akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia komplew il-motivi preliminari għall-att ta’ akkuża fil-każ tal-qtil kontra l-irġiel quddiem l-Imħallef Edwina Grima llum.

Argument ewlieni tal-avukat kien li fl-akkużi kontra l-irġiel intużaw ħafna espressjonijiet li jiggravaw is-sitwazzjoni. Cuschieri qal li ħafna mill-espressjonijiet użati mill-Prosekuzzjoni jiddrammatizzaw il-każ. Huwa ġab eżempju b’xi espressjonijiet użati mill-Avukat Ġenerali meta ddeskriva ċ-ċirkustanzi tal-assassinju. Argumenta kif wieħed seta’ jgħid li l-isplużjoni ċaqalqet iż-żona tal-Bidnija sakemm ma kienx preżenti dak il-ħin. Id-deskrizzjoni ta’ kif diversi partijiet minn ġisem il-ġurnalista sparaw ‘il barra mill-karozza sejħilha “immaġinazzjoni fertili.”

Dwar l-uffiċjali tal-pulizija mill-FBI, mill-Europol u mill-Olanda li xehdu fil-qorti, Cuschieri qal li dawn marru oltre milli jgħidu l-fatti kif inhuma. Għaldaqstant, l-avukat talab li l-biċċiet mit-testimonjanzi tagħhom li juru l-opinjoni tagħhom jitneħħew mir-rekords tal-każ.

Apparti minn hekk, l-avukat saħaq li d-dgħajsa tal-akkużati deskritta bħala “cabin cruiser” tagħti impressjoni ta’ lussu, meta hija sempliċiment dgħajsa.

Cuschieri rrefera wkoll għal liġi lokali, li ġiet iddikjarata nulla skont direttiva tal-Unjoni Ewropea, li dak iż-żmien ippermettiet li tinġabar id-data tal-mowbajls tal-akkużati. Fuq dan il-każ, Alfred Degiorgio fetaħ każ kostituzzjonali separat jgħid li biex inġabret din l-evidenza, inkisrulu xi drittijiet fundamentali.

Ir-rekords tal-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tliet akkużati kienu ntbagħtu lura l-Qorti tal-Maġistrati biex tintwera evidenza ġdida. Is-sensar tal-assassinju Melvin Theuma kien xehed quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qabel ma r-rekords intbagħtu lura l-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima.

Sal-aħħar tas-smigħ tal-lum, instemgħu iżjed minn 100 motiv.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia deher f’isem il-Prosekuzzjoni. L-Avukat Jason Azzopardi deher f’isem il-familja tal-vittma, filwaqt li l-Avukat William Cuschieri assista lill-aħwa Degiorgio. L-Avukat Marc Sant assista lil Vincent Muscat.