L-aħwa Degiorgio jridu joħorġu minn Kordin bl-electronic tagging

degiorgio-qorti2

Read in English.

George u Alfred Degiorgio, żewġt aħwa li qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jridu jinħelsu mill-arrest f’Kordin u jibqgħu jiġu msegwa bl-electronic tagging. Vince Muscat ukoll qed jiġi akkużat bil-qtil.

Illum fil-Qorti l-avukat tal-aħwa Degiorgio kien qed jelenka għadd ta’ raġunijiet għalfejn jemmen li l-klijenti tiegħu għandhom jinħelsu mill-arrest. Ilhom aktar minn sentejn arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-avukat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin u li l-akkużati għandhom jibqgħu taħt arrest preventiv.

L-Imħallef Edwina Grima qalet li se tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest u tgħati digriet mill-Uffiċċju tagħha.

L-aħwa Degiorgio daħlu flimkien fl-awla. Ftit wara daħal Vince Muscat. Kien hemm uffiċjal tas-sigurtà bilqiegħda bejniethom waqt is-seduta.

Id-Direttur tal-Ħabs LT Col Alexander Dalli Ret’d daħal jixhed liebes ilbies protettiv.

Dalli qal li l-electronic tagging huwa proġett pilota tal-ħabs li introduċih fuq inizjjattiva tiegħu. Qal li m’hemmx liġi li tirregola l-electronic tagging u li kienu qed jesperimentaw bis-sistema.

“Jiena bħala persuna nħobb nagħmel l-affarijiet ġodda,” qal Dalli.

Dalli spjega li t-tagging isir minn bħal brazzuletta li tintlibes fuq is-sieq. Din tibgħat messaġġ elettroniku lejn kamra tal-kontroll f’Kordin li turi fejn ikun il-priġunier. Turi wkoll b’liema veloċità jkun għaddej biha. Is-sistema ilha tintuża għal madwar sena.

Bit-tagging wieħed ikun jista’ jagħmel l-hekk imsejjaħ geofencing. L-awtoritajiet jistgħu jipprogrammaw it-tag biex tibgħat messaġġ jekk priġunier jersaq lejn żona jew joħroġ minn żona partikolari. Uża l-eżempju li l-awtoritajiet jistgħu jpenġu bħal kaxxa elettronika madwar Bormla, lokalità li priġunier mhux suppost jersaq lejha. Jekk dak li jkun imur Bormla, l-brazzuletta tibgħat messaġġ lill-awtoritajiet.

Skont Dalli, l-electronic tag tibgħat ukoll messaġġ jekk wieħed ikun qed jipprova jbiddel xi ħaġa u meta l-livell tal-batterija jkun baxx. Spjega li s-sorveljanza bit-tagging bħalissa ma ssirx filgħaxija peress li min qed jilbes din il-brazulleta qed jidħol jorqod bil-lejl fil-ħabs.

Fi kliem Dalli hija sistema tajba, però żied jgħid li l-ebda sistema mhi perfetta.

L-Imħallef Edwina Grima qalet li d-Direttur tal-Ħabs m’għandux awtorità fuq nies taħt arrest preventiv. F’dan il-każ il-Pulizija u l-Qorti jkollha l-awtorità. Spjegat ukoll li m’hemmx leġiżlazzjoni li tirregola l-electronic tagging.

L-avukat William Cuschieri qal li l-klijenti tiegħu lesti jorqdu Kordin billejl. Jemmen li m’hemmx biża’ ta’ intraċċ ta’ provi u li għalkemm il-każ huwa wieħed gravi dan ma jfissirx li wieħed m’għandux jingħata ħelsien mill-arrest. Qal li l-proċeduri qegħdin fi stadju avvanzat u li l-klijenti tiegħu ilhom arrestati aktar minn sentejn.

Dr Cuschieri qal li l-prosekuzzjoni se tressaq xhud li qed issejaħlu “ġdid” flimkien ma’ diversi rikordings. Dan b’referenza għas-sensar tal-qtil Melvin Theuma u r-rikordings li għamel tad-diskjussjonijiet li kellu ma’ Yorgen Fenech.

“Mir-rapporti li dehru fil-gazzetti jidher li dan ix-xhud ma kien xhud ġdid xejn,” qal Cuschieri. Qal ukoll li hemm persuni f’każijiet oħra ta’ qtil volontarju li ngħataw il-ħelsien mill-arrest.

Philip Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-biża’ ewlenija tal-prosekuzzjoni hija dwar l-intraċċ tal-provi. Qal li l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom attivi u li jaf ikun hemm żviluppi. Qal li sar kuntatt fil-ħabs mal-akkużati “aħseb u ara barra”, żied jgħid Galea Garrugia. Saħaq li l-Qorti ma tistax timponi electronic tagging għax m’hemmx qafas legali dwaru. Semma’ wkoll li jekk l-akkużati jidħlu jorqdu l-ħabs fil-lejl tqum il-kwistjoni ta’ jekk dan il-ħin għandux jinqata’ mis-sentenza jekk l-akkużati jinstabu ħatja.

L-avukat tal-aħwa Degiorgio qal li l-klijenti tiegħu lesti li jorqdu Kordin bil-ħin li jagħmlu hemm ma jinqatax mis-sentenza tagħhom. Cuschieri akkuża wkoll lil Melvin Theuma li “mhux qed jgħid il-verità kif suppost”. Qal li dan huwa l-“istar witness” tal-prosekuzzjoni.

L-aħwa Degiorgio kienu assistiti mill-avukat Dr William Cuschieri. Vince Muscat kien assistit minn Dr Simon Micallef Stafrace peress li l-avukat tal-għajnuna legali tiegħu Dr Mark Sant kien indispost.

Wara, Philip Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kompla jibni l-argumenti tiegħu dwar l-oġġezzjonijiet tad-difiża dwar ix-xhieda li ġiet sottometta s’issa. Dan bi preparazzjoni għall-ġuri.

Aktar dettalji dalwaqt