L-aħwa Degiorgio jibagħtu messaġġ lil Chris Cardona

Cardona jiċħad, is-sorsi jibqgħu jinsistu

Miguela Xuereb

Read in English.

Newsbook.com.mt huwa infurmat minn diversi sorsi li fl-aħħar ġimgħat l-aħwa Alfred u George Degiorgio li huma akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bagħtu messaġġ lid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Cardona. Ikkuntattjat minn Newsbook Chris Cardona ċaħad li sar kuntatt, madanakollu l-istess sorsi baqgħu jinsistu.

Għalkemm din il-kamra tal-aħbarijiet ma rnexxilhiex tikkonferma l-kontenut preċiż tal-messaġġ, ġejna assigurati li dan għandu x’jaqsam mal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-istess sorsi fakkruna li skont Melvin Theuma, is-sensar tal-assassinju, l-aħwa Degiorgio kienu jibagħtu messaġġi lil Yorgen Fenech, meqjus bħala l-mandant tal-assassinju, biex jitolbuh il-flus. Huma qalu li jista’ jkun l-istess qed jiġri issa iżda ma’ Cardona minflok ma’ Fenech.

Kuntatti ta’ Cardona mal-aħwa Degiorgio

Din mhux l-ewwel darba li kien hemm kuntatt bejn l-aħwa Degiorgio u l-eks Ministru Chris Cardona.

The Daphne Project kien irrapporta li Chris Cardona kien iltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio fil-Ferdinand Bar, is-Siġġiewi. Il-laqgħa, skont is-sors ta’ The Daphne Project, kienet saret ftit qabel sar ir-rejd li wassal għall-arrest tal-aħwa Degiorgio u oħrajn.

Chris Cardona, dakinhar Ministru, kien ċaħad li ltaqa’ ma’ Degiorgio għalkemm ma eskludiex li seta’ kien fil-bar meta Degiorgio kien hemm.

Mit-traskrizzjoni tal-interrogazzjoni li l-Pulizija kienu għamlu lill-aħwa Degiorgio, joħroġ ċar li l-pulizija kienu ssuspettaw li l-aħwa Degiorgio kienu jafu bir-rejd minn qabel ma sar.

Kien hemm jew le n-numru tal-mowbajl ta’ Cardona?

Melvin Theuma, li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef kulma jaf dwar l-assassinju, waqt il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, qal li kien hemm in-numru ta’ Chris Cardona fuq mowbajl li nstab fil-baħar ħdejn it-tinda tal-patata fil-Marsa. It-tinda tal-patata hija propjetà tal-aħwa Degiorgio, li fiha kienu jiltaqgħu ma’ diversi nies magħrufa sew mill-Pulizija. Marsa. Theuma jgħid li huwa s-sensar tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ir-rejd kien wassal għall-arrest ta’ tlett irġiel li jinsabu akkużati li skattaw il-bomba fil-Bidnija.

Chris Cardona kien qal lil Newsbook.com.mt li l-Pulizija qatt ma staqsewh dwar il-każ tal-mowbajl bin-numru tiegħu fuqu.

Skont rapport fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday tat-23 ta’ Frar, mhux korrett li jingħad li fuq wieħed mill-mowbajls instab in-numru ta’ Cardona peress li, skont l-istess rapport, dawn il-mowbajls għadhom qed jiġu investigati. Is-sorsi ma eskludewx li din l-informazzjoni tista’ tinstab ‘il quddiem.

Fil-midja kienet ġiet ippubblikata ittra allegatament mibgħuta lil Yorgen Fenech minn Keith Schembri, li fiha kien hemm allegazzjoni li kien Chris Cardona li hu l-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Keith Schembri ċaħad li qatt għamel hekk.

Cardona kien ċaħad bil-qawwa li kellu x’jaqsam mal-assassinju. Waqt intervista fuq TVM fl-aħħar ta’ Jannar, Cardona kien qal li dik kienet ittra falza magħmula minn nies li riedu jorbtu ismu mal-assassinju.

Cardona kien interrogat mill-Pulizija fit-23 ta’ Novembru. Kien Newsbook.com.mt li żvela esklussivament li Cardona kien fid-Depot. Cardona tħalla jmur wara l-interrogazzjoni.