L-aħwa Degiorgio jerġgħu ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest

L-aħwa Alfred u George Degiorgio li qed jiġu akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galzia flimkien ma’ Vince Muscat reġgħu ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest mill-Qorti Kriminali.

L-Imħallef Giovanni Grixti ħa din id-deċiżjoni f’digriet it-Tnejn wara applikazzjoni ġdida sottomessa mill-aħwa fl-10 ta’ Lulju.

Aqra: Assassinju Daphne: L-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza jidher li issa waslet fl-istadji finali tagħha hekk kif it-tliet akkużati kienu tpoġġew taħt att ta’ akkuża fis-16 ta’ Lulju.

Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba barra minn darha fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. It-tliet irġiel, li jinsabu akkużati bil-qtil tagħha kienu ġew arrestati fil-5 ta’ Diċembru tal-istess sena.

L-aħwa Degiorgio ssottomettew diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest bl-applikazzjonijiet kull darba jiġu rifjutati. L-aħħar applikazzjoni tagħhom kienet ibbażata fuq li tpoġġew taħt att ta’ akkuża. L-applikanti argumentaw li l-arrest kontinwu tagħhom kien qed iżommhom lura milli jippreparaw sabiex jiddefendu lilhom infushom.

Aqra: L-aħwa Degiorgio b’każ kostituzzjonali dwar ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa

L-Avukat Ġenerali oġġezzjona din it-talba minħabba n-natura u l-gravità tal-kriminalità, kif ukoll minħabba r-rekord kriminali u l-konnessjonijiet li għandhom l-akkużati, fost oħrajn. L-Avukat Ġenerali żied li issa mhux biss kien hemm riskju aktar reali li dawn jaħarbu, imma wkoll li dawn ibabsu l-evidenza hekk kif l-akkużi miġjuba kontrihom jistgħu jwasslu għal sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Aqra: Il-Qorti tirrifjuta t-talba tal-aħwa Degiorgio biex jiltaqgħu ma’ Casa u Gomes

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjonijiet fuq terzi parti kienu għadhom għaddejjin.

L-Imħallef Giovanni Grixti rrifjuta l-ħelsien mill-arrest u qal li l-oġġezzjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu ġustifikati minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejja.

Aqra: Assassinju Daphne: Miċħud mill-ġdid il-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio