L-aħwa Degiorgio jerġgħu jitolbu għall-ħelsien mill-arrest

Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż qed jerġgħu jitolbu għall-ħelsien mill-arrest. Huma qed jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia lura fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Magħhom qed jiġi akkużat ukoll Vincent Muscat, magħruf bħala l-Koħħu.

Fl-applikazzjoni li ssottomettew lill-Qorti Ċivili sostnew li l-irrifjutar kontinwu tal-ħelsien mill-arrest qed jammonta għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Għaldaqstant talbu għall-ħelsien proviżorju bħala rimedju ta’ dan in-nuqqas tal-Qorti.

L-applikazzjoni kostituzzjonali tispjega kif huma kienu ngħataw il-ħelsien proviżorju mill-arrest f’każ separat fejn kienu qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus. Madanakollu ftit wara din is-sentenza ġiet revokata mill-Qorti wara li ġiet appellata mill-Avukat Ġenerali.

Komplew jgħidu kif l-ebda Qorti ma dehret lesta li ssib bilanċ bejn id-dritt tal-ħelsien mill-arrest u l-biża’ ipotetika tal-Avukat Ġenerali. L-aħwa semmew ukoll kif parti mit-tort huwa wkoll tal-Istat hekk kif falliet milli tintroduċi s-sistema tal-electronic tagging li tiffaċilita li jinżamm il-bilanċ. Din is-sistema hija f’forma ta’ apparat li jintlibes mill-persuni li jingħataw il-ħelsien mill-arrest li tirregola li dawn isegwu l-kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-Qorti.