L-aħwa Degiorgio fuq il-benefiċċji soċjali għal snin twal

Fil-Qorti, ġew żvelati dettalji dwar il-benefiċċji soċjali li jirċievu l-aħwa George u Alfred Degiorgio, l-akkużati għall-qatla tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

It-tnejn, ma’ sieħba ta waħda minnhom, dehru quddiem il-Qorti akkużati b’ħasil tal-flus peress li għalkemm jgħixu ħajja lussuża fejn għandhom karozzi u dgħajjes sbieħ, huma rreġistrati biex jirċievu l-għajnuna soċjali. Dan inkixef meta ġew investigati għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Illum tkompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza, fejn rappreżentat tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ikkonferma li George Degiorgio ilu jirċievi benefiċċji mill-2002. Alfred Degiorgio ukoll irċieva benefiċċji soċjali, għalkemm waqaf joħodhom f’Settembru li għadda.

Barra minn hekk, rappreżentat tal-Kummissarju tat-Taxxi qal li Alfred Degiorgio kien iħallas it-taxxa għal xi snin, filwaqt li George Degiorgio u l-mara involuta fil-każ m’humiex reġistrati mad-dipartiment tat-taxxa.

Il-każ għadu għaddej, skedat biex ikompli jinstema fil-bidu ta’ Settembru.