“L-aħwa Degiorgio b’ħajja lussuża avolja bla xogħol”

Skont lista ta’ akkużi li l-Pulizija ħarġu fil-Qorti, għalkemm ma għandhomx propjetà fuq isimhom, l-aħwa Degiorgio, George (il-Fulu) u Alfred (iċ-Ċiniż), u s-sieħba ta’ George, Anca Adelina Pop, għandhom diversi karozzi bejnithom u dgħajjes, minkejja li tlieta li huma qiegħda.

Dan ħareġ illum fil-Qorti hekk kif tkompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tagħhom f’każ fejn tlieta li huma qed jiġu mixlija b’ħasil ta’ flus. L-aħwa Degiorgio flimkien ma’ Vincent Muscat (il-Koħħu) qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista investigativa Daphne Caruana Galizia.

Ħareġ li s-suspettati bdew jiġu investigati fuq l-istil ta’ ħajja li qed jgħixu wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.

George Degiorgio l-aħħar li kien impjegat kien fl-1983 fejn kien imniżżel bħala ħaddiem fil-kostruzzjoni. Huwa għandu dgħajsa li ġiet irreġistrata f’Mejju 2017 minkejja li kienet ilha għandu mill-2003. Degiorgio għandu kont mal-BOV li huwa inattiv kif ukoll loan mingħand l-HSBC. Kemm hu kif ukoll is-sieħba tiegħu għamlu trasferrimenti għall-barra minn Malta.

Pop għandha kont miftuħ mal-Lombard li ilu mill-2016. Meta fetħitu hi kienet bla xogħol. Hi għamlet tranżazzjonijiet lill-ommha ta’ €38,000 u €35,000. L-avukat ta’ Pop huwa David Gatt. Hi ukoll għandha tlett karozzi.

Alfred Degiorgio magħruf mal-Casinos lokali u għandu madwar €350,000 f’depożiti. Darba kellu xogħol bħal security f’bar Paceville. Hu wkoll għandu tliet karozzi. Fil-Qorti ħareġ ukoll li Alfred Degiorgio ħallas għad-dgħajsa MAYA bi flus kontanti l-ammont ta’ €30,000.

It-tlieta li huma jħallsu dejjem bi flus kontanti, mill-kera tal-appartament, miżati tal-iskola, dgħajjes u karozzi.

Ir-rikors dwar it-talba mill-ħelsien mill-arrest mistenni jinstema fit-12 ta’ Lulju.

It-tliet akkużati wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom, u qed jinżammew taħt arrest. L-aħwa huma miżmuma b’rabta mal-każ tal-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia.