L-Aħrax u l-Miżieb: L-FKNK tammetti li se jkun hemm żoni ristretti

Miguela Xuereb

Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti ammettiet fi stqarrija li ċertu żoni fir-Riżervi tal-Miżieb u l-Aħrax se jkunu b’aċċess ristrett minħabba l-kaċċa.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-kontroversja li nqalgħet bl-iffirmar tal-ftehim mal-Gvern ilbieraħ, l-FKNK qalet li l-pubbliku se jibqa’ jkollu aċċess għar-Riżervi fil-perjodu li fih ma jkunx hemm kaċċa.

L-istqarrija kienet immirata lejn il-Kelliem għall-Ambjent u Emerġenza tal-Klima tal-Partit Nazzjonalista David Thake. L-FKNK qalet li Thake wera nuqqas ta’ għarfien bil-mistoqsijiet li għamel fil-Parlament.

L-FKNK baqfgħet tisħaq li l-ftehim huwa “biss aġġornament tal-ftehim li kien sar fl-1986 waqt amministrazzjoni ta’ Gvern Laburista”. Saħqu li l-ftehim baqa fis-seħħ għal dawn l-aħħar 34 sena taħt Gvernijiet differenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia qal li għal kuntrarju ta’ diversi ftehimiet li l-Gvern għandu ma’ entitajiet non-governattivi oħra, per eżempju l-ftehim li għandu mall-BirdLife Malta dwar l-immaniġġar ta’ biss waħda mill-ħafna artijiet pubbliċi li għanda l-BirdLife Malta, dik tas-Salini, din l-għaqda tingħata €150,000 kull sena.

Spjegaw li x-xogħol kollu meħtieġ għall-immaniġar tar-Riżervi tal-Miżieb u tal-Aħrax se jibqa’ jsir bis-saħħa ta’ sigħat ta’ xogħol li jiddedikaw b’mod volontarju l-membri tal-FKNK kif ilhu jsir għal dawn l-aħħar 34 sena, u l-ispejjez meħtieġa se jibqu joħorġu mill-bwiet tal-istess membri u l-FKNK kif ukoll ilhu jsir għal 34 sena sħaħ.

L-għaqda rringrazzjat lill-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici għal viżjoni li kellu fl-1986 meta wera l-fiducja fl-FKNK u avdala r-Riżervi.