L-Aħrax u l-Miżieb: Il-Gvern irid li żoni naturali jitmexxew mill-NGOs

Miżieb
Steven Williams

Il-Gvern qal li se jara li żoni naturali f’Malta u Għawdex ikunu amministrati minn NGOs. Dan peress li skont il-Gvern, l-għaqdiet għandhom “l-esperjenza, il-kapaċità u n-namur proprju għaż-żoni rispettivi”.

Il-Gvern fi stqarrija qal li qed jippubblika serje ta’ punti dwar l-iffirmar tal-ftehim mal-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazjonisti (FKNK) wara li kien hemm “bosta ineżattezzi rrappurtati”.

Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern qal li dan il-ftehim mhux differenti minn ftehim ma’ NGOs oħrajn li jamministraw żoni pubbliċi oħrajn. Fakkar kif ftit tax-xhur ilu, il-Gvern daħal fi ftehim ma’ Birdlife Malta biex jamministraw iż-żona pubblika tas-Salini, fejn l-istess NGO qed tagħmel xogħol siewi għall-amministarzzjoni ta’ dan is-sit;

Ġie spjegat li Birdlife Malta qed tagħmel dan ix-xogħol għax qed tieħu l-flus mill-Gvern u anke hemm ħaddiema tal-Gvern li ġew ingaġġati biex jgħinu fl-immanġġjar taż-żona tas-Salini. Min-naħa l-oħra l-Gvern ġġustifika wkoll il-ftehim tal-Aħrax u l-Miżieb peress li se jkunu amministrati mill-FKNK bl-ispejjeż kollha li dan jirrikjedi, inklużi ż-żamma tal-abitat naturali, il-kura tas-siġar u l-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ.

Skont il-Gvern, il-pubbliku inġenerali se jibqa’ jkollu aċċess għar-riservi tul is-sena kollha “kif dejjem kellhom matul dawn l-aħħar 34 sena”. Dan ifisser li fix-xhur tal-kaċċa, xi żoni jkunu magħluqa.

Il-Gvern stqarr li l-ftehim ġie ppubblikat kollu u għaldaqstant mhux minnu li dan kien wieħed sigriet.

Punti oħra kif maħruġa mill-Gvern:

  • Il-ftehim li ġie ffirmat ilbieraħ ma jibdel xejn għajr li qiegħed jirregola dak li fil-prattika kien diġà qiegħed fis-seħħ tul dawn l-aħħar snin;
  • Ir-riservi tal-Miżieb u tal-Aħrax ilhom jiġu amministrati mill-FKNK sa mill-1986, jiġifieri għal dawn l-aħħar 34 sena taħt gvernijiet differenti. Il-Federazzjoni, permezz tal-membri u numru ta’ voluntiera dejjem ħadu ħsieb din iż-żona, ikkultivaw is-siġar u għamlu l-manutenzjoni ta’ kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ, ir-riżultat ta’ dan kollu jista’ jiġi apprezzat illum il-ġurnata għaliex f’dawn iż-żoni nsibu ammont kbir ta’ siġar endemiċi, flora u fawna naturali li jistgħu jitgawdew minn kull min imur f’dawn is-siti jew jgħaddi minn dawn iż-żoni;
  • Il-ftehim qiegħed jiżgura wkoll li l-passaġġi u t-toroq pubbliċi kollha jibqgħu miftuħa għall-pubbliku l-ħin kollu, il-picnic u l-camping sites se jkunu miftuħa bħal qabel filwaqt li se jinfetħu camping sites ġodda (qegħdin jiġu ppubblikati site plans), dan kollu filwaqt li se jkun hemm aktar obbligi ġodda fuq l-FKNK u se jkun hemm il-ħarsien tal-ambjent;
  • Permezz tal-ftehim bejn l-ERA u l-FKNK, qed nassiguraw ukoll li l-organizzazzjoni tissalvagwardja l-ambjent naturali tas-siti. Dan isir permezz ta’ numru ta’ obbligi li l-ERA tpoġġi fuq il-ftehim kif ukoll permezz tad-Direttorat tal-Awtorità li jieħu ħsieb l-infurzar. Mexxejna ‘l quddiem ftehim addizzjonali biex tiġi assigurata amministrazzjoni xierqa tas-siti, implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri ambjentali, moniteraġġ u rondi ta’ infurzar, attivitajiet edukattivi u ta’ għarfien, kif ukoll l-involviment xieraq tal-partijiet interessati.