L-Aħrax ġarrab ħsara kbira; il-Gvern se jingaġġa r-Rangers

rappurtaġġ mill-Parlament: Paul Cachia

Il-Ministru għall-Intern Byorn Camilleri qal li l-ħsara li saret fl-Aħrax tal-Mellieħa fl-aħħar jiem kienet waħda kbira u l-ħsara tant kienet devastanti li l-medda ta’ art maħruqa kienet konsiderevoli.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, il-Ministru Camilleri qal li l-pumpjiera ħadmu tajjeb peress li kellhom jiikkumbattu kontra l-elementi bħar-riħ li fixkel l-operat tagħhom.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Camilleri qal li l-Gvern kien se jingaġġa numru ta’ rangers biex jipproteġġu l-masġar Maltin u spazji miftuħa. Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista kien għamel żewġ proposti li sentejn ilu waqt diskussjoni fuq riforma kunsilli lokali biex il-Gvern jingaġġa numru ta’ rangers u jinstalla CCTVs fl-inħawi. Camilleri qal li l-Gvern qed jinvesti ħafna fil-pumpjiera tant li llum qed jirċievu tagħmir u ilbies protettiv ġdida u mhux kif kien jiġri qabel li kien jilbsu lbies użat li jġib l-isem fuq wara tal-persuni barranin li kien jużawh qabel.

450 siġra protetta ntmesset min-nar – ERA

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA qalet li ntemssu 450 siġra protetta bin-nar li jidher li tqabbad mill-ġamar li kien fadal li tqabbad minn xi nies li kienu qed jikkampjaw. Ħafna mis-siġar kienu siġar taċ-ċipress, tal-ħarrub u tad-deru.

L-ERA qalet li ż-żona ma tiffurmax parti miż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni iżda għandha importanza ekoloġika minħabba x-xagħri li hemm.

“Kienu qed jikkampjaw illegalment” – il-Kunsill tal-Mellieħa

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qal li l-persuni li kienu fiż-żona qabel ma ħadet in-nar kienu qed jikkampjaw hemmhekk b’mod illegali. Fi stqarrija l-Kunsill qal li minħabba l-pandemija ma kienux qed jinħarġu permess għall-ikkampjar.

“Kienu qed jagħmlu BBQ taħt tabella li tgħid li ma jistgħux”

Il-Kaċċaturi San Ubertu qalu fi stqarrija li dan l-aġir sar minn nies irresponsabli. Huma stqarru li sar dannu ambjentali kbir fejn ħafna siġar inqerdu għad-dannu tal-biodiversità fl-aktar perijodu sensittiv tas-sena.

Fl-istess lejl tas-Sibt li għadda, fis-sit Natura 2000 immaniġjat minnhom, membri ta’ Kaċċaturi San Ubertu raw nies irresponsabli jaqalgħu u jqaċċtu siġar protetti biex jintuzaw għal BBQ.  Apparti li dan huwa sit protett, fejn huwa illegali li jsiru BBQs, dan kien qed isir eżatt taħt it-tabella li tindika l-liġijiet li jipproteġu is-sit fosthom li BBQ huwa llegali li jsir.