​L-aħjar ħin għas-sewwieq Malti Shawn Buttigieg fil-Ġermanja

Fl-aħħar jiem l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) kienet qed isegwi lis-sewwieqa Maltin fil-korsa tad-Drag Racing f’Hockenheim fil-Ġermanja.
Dawn is-sewwieqa kienu qed jieħdu sehem fil-Kampjonat FIM Europe Super Street Bike Cup.
Għal din il-kompetitzzjoni fil-Ġermanja kien hemm diversi timijiet Maltin li ħadu sehem u wkoll spiċċaw rebbieħa tal-ġurnata.
Kalanc Racing Team irreġistra rekord ġdid fil-kategorija Super Street Bike. 
Shawn Buttigieg fuq Mutur Suzuki Hayabusa 1300cc li jagħmel parti mit-team Kalanc Racing kompla jirreġistra iktar rekords bl-aħjar ħin ta’ 7.213 sekondi b’veloċita ta 318.93 kilometri fuq distanza ta kwart ta mil.
Buttigieg beda bl-ewwel ħin tiegħu ta 7.493 sekondi b’veloċita 306.17kph u kompla javanza matul l-ewwel rawnd tiegħu fejn irreġistra l-aħjar ħin f’din il-kategorija.
Sfortunatament Buttigieg waqa’ lura minħabba żball żgħir tekniku minn naħa tat-tim waqt is-semifinali tal-ġurnata fejn irreġistra ħin ħażin ħafna ta’ 8.027 sekondi b’veloċita 260.59km.
Dan il-ħin ħalla lil Buttigieg barra mill-finali biex kienet faċli għal Mogens Lund sewwieq mid-Danimarka jikkompeti fil-finali tal-ġurnata u għamel ħin ta’ 7.687 sekondi b’veloċita 301.62kph. 
Fil-finali li kienet bejn is-Sewwieq Danis Mogens Lund u l-Ingliż Bradley O’Connor, ħadd minnhom ma rnexxielu jwaqqa l-ħin taħt dak tas-sewwieq Malti.
O’Connor rebaħ il-finali b’ħin 7.409 sekondi b’veloċita ta’ 323.64kph.
Lund spiċċa fit-tieni post b’ħin 7.578 sekondi u b’veloċita ta 273.49kph.
Is-sewwieq Malti Shawn Buttuigieg b’hekk għalaq il-ġurnata fit-tielet post. 
Fil-klassifika ġenerali ta’ dan il-kampjonat, minkejja li O’Connor rebaħ din il-kompetizzjoni fil-Ġermanja jinsab fil-ħames pożizjoni.
Dan għaliex din kienet l-ewwel parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-kampjonat.
Id-Daniż Mogens Lund jinsab fil-quċċata b’142 punt segwit mill-Malti Shawn Buttigieg b’141 punt u fit-tielet post insibu l-Ingliż Garry Bowe b’119 il-punt.
Luke Farrugia li minkejja li ma ħax sehem f'din l-aħħar attività, qed jikkompeti wkoll f’dan il-kampjonat u bħalissa jinsab fit-tnax il-post tal-klassifika b’62 punt.
Il-Kampjonat FIM Europe Super Street Bike Cup għandu jkompli bejn l-4 u s-7 ta’ Setempbru fuq it-trakka ta’ Santa Pod fl-Ingilterra.