“L-aħħar żviluppi jikkonfermaw l-ebda korruzzjoni dwar il-kumpanija fil-Panama”

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qal li l-aħħar żviluppi dwar il-Panama Papers jikkonfermaw li ma kien hemm l-ebda tixħim jew korruzzjoni, u li għaldaqstant infaqgħet “għal kollox il-bużżieqa tal-Partit Nazzjonalista.“
"Il-miljun li qed isemmi Simon Busuttil ma jeżistux, għalhekk qatt ma nfetħu l-kontijiet tal-bank"
Stqarrija li ħarġet f’isem Keith Schembri tgħid li dak li ġie żvelat mill-Australian Financial Review jikkonferma li l-miljuni li qed isemmi Simon Busuttil ma jeżistux, tant li għalhekk li l-banek internazzjonali qatt ma fetħu kontijiet bankarji.
"Irriżenjajt mit-tmexxija tal-kumpaniji tiegħi, imma bqajt shareholder"
Schembri jgħid li minn dejjem kien fin-negozju, u li meta aċċetta l-kariga li għandu, irriżenja mit-tmexxija tal-kumpaniji tiegħu, iżda baqa’ shareholder tal-interessi kummerċjali tiegħu.
Qal li bħal kull missier, jagħmel minn kollox biex jassigura li uliedu jgħixu aħjar minnu, u li dan is-sentiment ġenwin qed jintuża għall-interessi partiġġjani.
"Fl-14 ta' Marzu 2015 qabbadt lil Nexia BT biex inwaqqaf trust"
L-istqarrija f’isem Keith Schembri tgħid kif fl-14 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, qabbad lil Nexia BT (l-awdituri ta’ Kasco Group għall-aħħar 20 sena), biex jistabbilixxu trust biex jikkonsolida l-assi u l-interessi kummerċjali tiegħu, inkluż l-assi fi trust eżistenti li għandu ma’ bank lokali.
"Akkwistajt it-Tillgate Inc fil-Panama fit-2 ta' Lulju 2015" 
Semma li ngħata l-parir li l-interessi kummerċjali tiegħu li kien se jitfa’ fit-trust, jitfagħhom f’kumpanija li tiġi settled fit-trust. “Kien għalhekk li fit-2 ta’ Lulju 2015, akkwista shelf company Tillgate Inc, stabbilita fil-Panama u li diġà kienet fil-pussess ta’ Nexia BT,” tkompli tgħid l-istqarrija.
Fit-22 ta’ Lulju, Schembri fetaħ il-Haast Trust fi New Zealand u ttrasferixxa l-kumpanija lit-trust.
"Mossack Fonseca bdiet tesplora l-possibilità li tiftaħ kont bankarju"
Keith Schembri spjega kif biex topera, kull kumpanija għandha bżonn kont bankarju u li Mossack Fonseca bdiet tesplora din il-possibilità.  
Qal li rriżulta li l-istess banek riedu depożiti ta’ miljuni u aktar, u li sal-lum il-kumpanija u t-trust tiegħu għadhom mingħajr kont u bla flus. Madanakollu spjega li qatt ma eskluda li jpoġġi flus u investiment li għandu ma’ banek lokali fit-trust ta’ New Zealand.
"Qatt ma kelli intenzjoni li naħbi l-istruttura mill-awtoritajiet Maltin"
Sostna li qatt ma kellu l-intenzjoni li jaħbi din l-istruttura mill-awtoritajiet finanzjarji Maltin, u li d-dħul tiegħu jitħallas f’Malta. Kompla jgħid li t-trust ġiet iddikajrata mal-awtoritajiet fi New Zealand u sussegwentament ma’ dawk Maltin.  
"L-artiklu fl-Australian Financial Review mifni bl-ineżattezzi"
Qal li l-artiklu fl-Australian Financial Review, ippubblikat fl-10 ta’ April hu mifni bl-ineżattezzi.
"Tillgate kienet irreġistrata fil-15 ta' Lulju 2013 u mhux ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali"
Ċaħad mill-ġdid li l-kumpaniji fil-Panama twaqqfu ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali.  Qal li Tillgate kienet irreġistrata fil-15 ta’ Lulju 2013, bħala shelf company u li ma kellu l-ebda għarfien tagħha qabel dik id-data.
"Diġà kellimt avukati Awstraljani biex jieħdu passi"
Semma kif fl-Istitut tal-Ġurnalisti Investigattivi jaħdem Matthew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia.
Qal li diġà kellem avukati Awstraljani biex jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġi r-reputazzjoni u l-interessi kummerċjali tiegħu.