“L-aħħar żviluppi dwar il-każ tal-Panama Papers jikkonfermaw kemm-il pajjiż waqaf”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-aħħar żvilupi dwar il-każ tal-Panama Papers jikkonfermaw kemm-il pajjiż waqaf.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Busuttil spjega li Malta ma tistax tibqa’ f’din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza fejn l-istituzzjonijiet mhumiex jiffunzjonaw sew.
Sostna li “kieku jiffunzjonaw, il-Pulizija ilha ġimgħat sħaħ li daħlet fl-uffiċju tiġbor id-dokumenti u l-kompjuters”.
“Xokkanti li Mizzi u Schemrbi provaw jiftħ kontijiet bankarji sigrieti”
Busuttil qal li hija “xokkanti” li Konrad Mizzi u Keith Schembri pprovaw jiftħu kontijiet bankarji sigrieti f’mill-anqas seba’ banek u biex dawn il-banek, jaċċettaw riedu depożiti li jlaħħqu l-miljun ewro fis-sena.
Sostna li r-reazzjonijiet tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff  tal-Prim Ministru Keith Schembri juru li huma jinsabu fi stat ta’ disprament u ta’ paniku kbir.
Huwa ddikjara li dak li qegħdin jgħidu fl-istqarrijiet ma’ jaqbel xejn mal-fatti li ħarġu diġà.
“Saret ħsara lil Malta f’għajnejn id-dinja kollha”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li saret ħsara lil Malta f’għajnejn id-dinja, b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Tenna li “din il-ħsara hija enormi u ma tistax titkejjel u din l-inċertezza mhux se tispiċċa jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri jitilqu mill-karigi”.
Qal li “tispiċċa jekk jinbidel il-Prim Ministru, li ħalla s-sitwazzjoni tiddeġenera b’dan il-mod”.
Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Gvern
Simon Busuttil spjega li f’dan l-isfond il-mozzjoni ta’ sfiduċja hija waħda ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Tenna li Joseph Muscat mhux talli ma keċċiex lil Konrad  Mizzi u lil Keith Schembri imma baqa’ jiddefendihom, tant li kulħadd beda jissuspetta li huwa involut magħhom.
Qal li anke jekk ma kienx involut personalment, Joseph Mucat kien responsabbli għall-ħatra tagħhom.
Tenna li issa mhix kwistjoni ta’ tkeċċija ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri għax dawk misshom tkeċċew ġimgħat ilu.
Il-kwitsjoni preżenti hija jekk il-poplu għandux fiduċja f’Joseph Muscat biex imexxi lil Malta.
“Jekk tgħaddi l-mozzjoni, ma jfissirx li trid issir elezzjoni bikrija:
Spjega li jekk tgħaddi l-mozzjoni, ma jfissirx li trid issir elezzjoni bikrija bilfors għax il-Partit Laburista ikun jista’ jagħżel Mexxej ieħor li jmexxi għas-sentejn li ġejjin.
Il-Ministru Konrad Mizzi b’libell lill-Kap tal-Oppożizzjoni
Intant fuq tweet Konrad Mizzi qal li se jfittex lill-Kap tal-Oppożizzjoni għal-libell.
Mizzi qal li "Simon Busuttil huwa ċ-champion tal-politika mibnija fuq il-gideb. Għada se niftaħ proċeduri ta' libell."
Min-naħa tiegħu Simon Busuttil qal li l-unika karta li għandu jiffirma Konrad Mizzi hija l-ittra tar-riżenja.
Reazzjoni Partit Laburista:
F’reazzjoni l-PL qal li għal darb’oħra Simon Busuttil infexx f’isteriżmu sforz l-għatx għall-poter akkost ta’ kollox.
Tenna li l-unika arma ta’ Simon Busuttil hija l-gideb, l-attakki oxxeni u personali u l-istrateġija illi joħloq instabbilità fil-pajjiż.
Qal li fl-istess waqt li qiegħed għaddej b’dan it-tixwix, Simon Busuttil qed jippromwovi skema biex jiffinanzja lill-Partit Nazzjonalista bil-ħabi, u kontra kull prinċipju ta’ trasparenza u l-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.