L-aħħar żjara tiegħu f’Għawdex qabel jitlaq għall-Korea bħala Nunzju Appostoliku

Il-Papa Franġisku qal li għandu fiduċja sħiħa f’Monsinjur Alfred Xuereb u li se jaqdi bl-aħjar mod id-dmirijiet tiegħu bħala Nunzju Appostoliku fil-Korea u l-Mongolja u bħala Arċisqof titulari ta’ Amanthea.
Fit-test bil-Latin tal-Bolla Pontifiċja, il-Papa jsemmi kif Monsinjur Xuereb rċieva l-aqwa formazzjoni Kattolika fil-familja, fil-parroċċa u f’pajjiżu u li dejjem qeda b’ħafna żelu d-dmirijiet tiegħu fl-uffiċċji tas-Sede Appostolika.
Fil-festa ta’ San Ġużepp, Monsinjur Xuereb se jingħata l-Ordinazzjoni Episkopali fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma. Din se tixxandar dirett fuq l-istazzjon televiżiv tal-Vatikan TV2000.
Bi tħejjija għal dan, id-Djoċeżi t’Għawdex ħarġet programm sħiħ ta’ attivitajiet li jfakkru din il-ħatra, fosthom il-ħruġ tat-timbru kommemorattiv mill-kumpanija Maltapost, kif ukoll Velja ta’ Talb lejliet l-ordinazzjoni episkopali tiegħu.
Il-Velja tat-Talb se ssir il-Ħadd 18 ta’ Marzu fil-Kappella tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ruma kif ukoll b’ċelebrazzjoni tal-Via Sagra Djoċeżana fuq l-Għolja ta’ Għammar.
Ġimgħa wara l-ordinazzjoni episkopali tiegħu, it-Tnejn 26 ta’ Marzu Monsinjur Xuereb se jasal Malta, ftit qabel jibda l-ħidma tiegħu fil-Korea u l-Mongolja.
Il-Ħamis 29 ta’ Marzu filgħodu se jippresedi l-Quddiesa taż-Żjut mal-Isqof t’Għawdex Mario Grech fil-Katidral tal-Assunta fil-Belt Victoria. Iktar tard filgħaxija jieħu sehem fir-Rit tal-Ħasil tar-Riġlejn fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria, li hija l-parroċċa tal-oriġni tiegħu.
Lejliet l-Għid, Monsinjur Alfred Xuereb se jippresiedi l-Liturġija Solenni tal-Qawmien tal-Mulej fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Fl-Għid jamministra s-Sagrament tal-Magħmudija fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini fil-Belt Victoria.
Impenji oħra se jieħduh l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fis-Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Fontana, u fil-Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem.
L-aħħar impenn tiegħu f’Għawdex se jkun il-Ħadd 8 t’April b’Pontifikal solenni fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, biex imbagħad jitlaq minn Malta t-Tnejn 9 t’April.
Ritratt: Uffiċċju Komunikazzjoni Djoċesi ta’ Għawdex