L-aħħar xogħlijiet biex jitlesta l-proġett fil-baċir numru wieħed

Fix-xatt ta’ Bormla bdew ix-xogħlijiet fuq il-bini tal-pont fil-baċir numru wieħed li se jgħaqqad lil Bormla mal-Isla.
Jirriżulta li diġa’ tpoġġa l-pedament fejn se jserraħ il-pont, li se jkun twil aktar minn 40 metru.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li x-xogħol jinsab għaddej b’ritmu mgħaġġel u l-proġett kollu fil-baċir numru wieħed għandu jkun lest sa’ Settembru li ġej.
Dan il-proġett għar-riġenerazzjoni tal-inħawi tal-Kottonera, b’mod speċjali x-xatt ta’ Bormla, ma kienx nieqes mill-kontroversja minħabba d-dewmien u l-inkonvenjenzi li nqalgħu għar-residenti.
L-għan ewlieni tal-proġett meta kien tħabbar mill-Gvern preċedenti kien li joffri post rikreattiv lill-familji f’żona li kienet mitluqa u bla użu.
Id-diżinn jinkludi mixja sħiħa mill-Isla sal-waterfront tal-Birgu.
Hekk kif l-inħawi taħt il-monument tal-ħelsien, li kien jintuża bħala parkeġġ, sar xogħol ta’ tisbiħ li jinkludi wkoll faċilitajiet għad-dgħajjes.
Sfortunatament fix-xhur li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta lmenti mir-residenti minħabba telqa lejn in-naħa ta’ Bormla fejn il-ħaxix kien diġa’ qed imut u l-funtana artistika li tpoġġiet fil-post ma kinitx qed taħdem.
Jirriżulta li dawn l-ilmenti ġew indirizzati.
 Biex il-proġett ikun komplut, apparti l-aħħar xogħlijiet ta’ tisbieħ u t-tqegħid tal-pont jonqos iż-żona tal-pjazza Gavino Gulia, li terġa toffri aċċess lejn il-Birgu.
Fl-istess inħawi se tiġi stazzjonata l-għassa l-ġdida ta’ Bormla li tiġi tiswa mat-€300,000 bl-għajnuna tal-fondi Ewropej.
Fil-preżent, l-għassa taffaċċja limitazzjonijiet kbar għalkemm hija meqjusa bħala referenza għaż-żona tal-Kottonera.
L-għassa wkoll tkun parti mill-proġett u se tkun qrib id-daħla l-ġdida tal-baċir numru wieħed. 

Ritratt: Marc Zimmermann