L-aħħar tislima lill-mara maqtula f’sodditha

Dalgħodu ngħatat l-aħħar tislima Maria Lourdes Agius f’Raħal Ġdid, għall-bews u l-biki tal-familjari. Hija kienet l-aħħar mara fil-lista ta’ nisa Maltin li nqatlu brutalment f’Malta.

L-omm ta’ 33 sena nstabet mejta f’sodditha fil-15 ta’ Settembru, fejn irriżulta li kienet fgata. Is-sieħeb tagħha, u missier 3 mis-7 itfal tagħha, li hu mill-Kosta tal-Avorju, qed jinżamm arrestat, minkejja li fil-Qorti xehed li mhuwiex ħati. 

Il-vittma nstabet mejta minn ommha stess, li kienet toqgħod magħha f’Raħal Ġdid.

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa (WRF) kienet qed tiġbor il-flus għall-ispejjeż tal-funeral tal-mara, fuq talba mill-familja tal-vittma stess. Jumejn biss wara, il-Fondazzjoni ħabbret li kienet ġabret biżżejjed flus għall-funeral, iżda qalet li l-pubbliku jista’ jagħti aktar flus, li jmorru għat-trobbija tas-7 wlied ta’ Lourdes, fosthom tarbija.