L-aħħar tislima lill-Ħanfusa nhar is-Sibt

People of Malta

Patrick Grima, li fost l-Għawdxin huwa magħruf aktar bħala Patrick il-Ħanfusa, se jingħata l-aħħar tislima nhar is-Sibt li ġej waranofsinhar.

Huwa nstab mejjet fid-dar tiegħu fi Triq Mons Luigi Vella fir-Rabat Għawdex nhar it-Tlieta li għadda għall-ħabta tal-10am. Il-Ħanfusa kellu 62 sena.

Imut Patrick il-Ħanfusa

Il-korteo funebri se jħalli l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fl-4pm għaċ-Ċimiterju tar-Rabat Għawdex fejn se ssir quddiesa tal-funeral fl-4.15pm.

Patrick il-Ħanfusa kien ikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-1994 bħala l-mexxej tal-Partit Hard Rock, u kien ġie elett mal-ewwel għadd.

Huwa wkoll wieħed mill-personaġġi Għawdxin li sabu posthom fi presepju Għawdxi li jiġi esebit ta’ kull sena fi Pjazza San Ġorġ.

Filmat: Il-Ħanfusa, l-iSparrow u x-Xifu fi presepju Għawdxi

Għadd ta’ Għawdxin irrikorrew fuq il-mezzi soċjali fejn esprimew is-sogħba tagħhom. Iddeskrivewh bħala raġel twajjeb, ferrieħi u b’qalb tad-deheb.

“Kemm kien raġel twajjeb bil-kelba/kelb tiġri warajh! Dejjem idur mar-Rabat, jieħu xi kafè, bla ebda ħsieb, jitbissem, isellimlek jekk tkellmu u jorqod anke bilqiegħda ma’ mejda ta’ xi ħanut fi Pjazza San Ġorġ jew fit-Tokk. Issa mar igawdi l-Mulej, jekk ma jgħannilux xi waħda wkoll!”

Oħrajn kitbu li se jimmissjawh qatigħ.