L-aħħar tislima lil Anthony D’Amato tingħata għada t-Tlieta

Anthony D'Amato

L-aħħar tislima lil Anthony D’Amato, wieħed mis-sidien tal-ħanut D’Amato Records, se tingħata għada t-Tlieta 5 ta’ Jannar fil-knisja tal-Karmelitani fil-Belt Valletta fl-10.00am. D’Amato miet ilbieraħ fl-età ta’ 75 sena.

“Illum timmarka jum wisq imnikket għall-familja tagħna,” kiteb ibnu Anthony fuq il-paġna tal-midja soċjali tal-ħanut, li ilu jopera mill-1885.

Iben D’Amato kiteb li missieru ħalla warajh legat ta’ tjubija, imħabba u rispett ma kull persuna li ltaqa’ miegħu. Iddeskrivieh bħala pilastru tan-negozju tal-familja b’dedikazzjoni ta’ aktar minn 60 sena. Filfatt semma’ wkoll kif lanqas biss għaddew tliet ġimgħat mindu missieru kien qiegħed jagħti daqqa t’id fil-ħanut tal-Belt Valletta.

Anthony D’Amato (Tony)1945 – 2021Today marks a very sad day for our family. You were taken away from us too fast too…

Posted by D'Amato Records on Sunday, January 3, 2021

Il-ħanut ta’ D’Amato Records twaqqaf minn Giovanni D’Amato fl-1885 u huwa meqjus bħala l-aktar ħanut antiki tad-diski fid-dinja. It-tmexxija tiegħu għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra fil-familja D’Amato. Bħalissa fil-fatt il-ħanut qed jitmexxa mir-raba’ ġenerazzjoni mindu beda jopera.

Anthony D’Amato kien wieħed minn erba’ proprjetarji tal-ħanut ta’ D’Amato. Apparti Anthony D’Amato hemm ukoll ħuħ it-tewmi John, kif ukoll iż-żewġt aħwa l-oħra Joseph u George.

Il-ħanut baqa’ jopera bla waqfien għajr proprju fis-sena li għaddiet meta kellu jagħlaq il-bibien tiegħu għal perjodu ta’ żmien minħabba fil-pandemija tal-Covid-19.

Newsbook.com.mt iwassal il-kondoljanzi lill-familja D’Amato għat-telfa li ġarrbu.