Fearne jħabbar l-aħħar strateġija dwar il-Covid-19

“Il-vaċċin jingħata biss meta jkun safe u mhux ġurnata qabel" - Fearne

LIVE | Diskors mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar il-miżuri tal-Baġit 2021 għall-qasam tas-Saħħa.

LIVE | Diskors mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar il-miżuri tal-Baġit 2021 għall-qasam tas-Saħħa.

Posted by saħħa on Monday, November 2, 2020

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li se jinfetaħ swab testing centre fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex jibdew isiru rapid testing fuq il-passiġġiera ġejjin mill-pajjiżi fuq il-lista oranġjo, bl-għan li jibdew isiru ħames darbiet iktar f’testijiet.

Meta kien qed jitkellem fil-kumitat parlamentari ta’ provvista għall-Ministeru tiegħu, Fearne qal li l-Gvern Taljan qed jipprovdi 350 vjal ieħor tal-remdesivir, mediċina li tingħata lill-pazjenti tal-Covid-19 fl-ITU.  

Huwa fiehem li ta’ kuljum qed jidħlu mat-12,000 telefonata fuq in-numru 111 u f’95% tal-każijiet dawn qed jiġu mwieġba f’inqas minn minuta. Ir-riżorsi fil-contact tracing se jiżdiedu għal 100 persuna bl-aħħar sejħa li saret għall-ħaddiema tas-settur tat-turiżmu tiġbed interess kbir tant li applikaw 300 ruħ.

Fearne qal li kellhom jitwaqqfu xi operazzjonijiet biex il-professjonisti jkunu jistgħu jagħtu daqqa t’id fl-ITU bis-swali tal-operazzjonijet jinżlu minn 16 għal 12.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Gvern ħa t-tagħlimiet mill-każijiet fid-djar tal-anzjani San Ġużepp u San Antonio, u issa anzjani bil-coronavirus qed jitpoġġu fi sptar ġdid fjamant ‘The Good Samaritan’ Hospital f’San Pawl il-Baħar.

Il-vaċċin jingħata biss meta jkun safe u mhux ġurnata qabel

Huwa stqarr li l-previżjoni għadha li l-vaċċin se jasal f’Jannar. “Il-vaċċin jingħata biss meta jkun safe u mhux ġurnata qabel,” qal Fearne. Stqarr li hemm bżonn sitt xhur biex jitqassam mal-poplu kollu.

Hu fiehem li r-rata ta’ mortalità hija baxxa f’Malta, taħt il-1% ta’ dawk li jimirdu bil-Covid-19, imqabbla mat-8% fl-Italja, 6% fir-Renju Unit u l-4% ta’ Franza u Spanja.

Fearne spiċċa b’appell għall-poplu Malti. “Dan hu l-mument li nuru solidarjetà. Aħna poplu nisrani u issa hu ż-żmien li nuru kemm aħna nsara”.

Għandek xi esperjenza tal-pandemija li tixtieq taqsam magħna?

Ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt jew ikkummenta hawn taħt