L-aħħar staġun ta’ Division 7 b’aktar episodji mis-soltu

It-tim ta’ DBA Entertainment bħalissa jinsabu impenjati biex mill-ħarifa iwasslu t-tmien u l-aħħar staġun mis-sensiela ta’ suċċess Division 7. Dan l-istaġun mistenni jkun wieħed mill-aktar b’saħtu u se jinkludi l-introduzzjoni ta’ karattri ġodda interpretati minn Clint Grech, J.C. Scicluna (Karmelina ta’ F’Salib It-Toroq) kif ukoll Renzo Bonello li se jkun qed jirritorna fuq it-televiżjoni bħala attur wara assenza ta’ 12-il sena.

“Bħala episodji se jkun staġun itwal mis-soltu,” ikkummenta ma’ newsbook.com.mt l-attur Glen Callus li huwa wkoll assistent tal-produzzjoni ta’ din is-sensiela.

Bħalissa l-istazzjon One qed jerġa jxandar kull filgħaxija l-episodji kollha tal-ewwel seba’ staġun. Dawn l-episodji qed jixxandru wkoll mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-7.45pm fuq l-istazzjon Melita More, Cable Channel 315.

Għal dawk li jridu jieħdu nota, ngħidulhom li l-episodji l-ġodda ta’ Division 7 se jkunu qed jixxandru fuq One mill-Erbgħa 30 ta’ Settembru.