L-aħħar staġun ta’ Dejjem Tiegħek Becky se jerġa’ jixxandar

George Micallef u Nathalie Micallef. Ritratt: Robert Camilleri (FotoClassic)

Għall-Istaġun tal-ħarifa l-Istazzjon Net se jkun qed jerġa’ jwassal drama Maltija mill-imgħoddi (Throwback drama) fil-ħin tat-3pm u bejn Settembru u Diċembru t-telespettaturi se jkollhom iċ-ċans li jerġgħu jsegwu r-raba’ staġun ta’ Dejjem Tiegħek Becky, li kien ukoll l-aħħar wieħed f’din is-sensiela.

Wara li tant kienet ilha tipprova tinqabad tqila, Becky jirnexxielha. Imma l-Malti jgħid: ix-xitan m’għandux ħalib u l-Maltin jafu xi jgħidu! Se nsiru nafu aħjar lis-surmast tal-iskola, is-Sur J. Inguanez, li wkoll għandu familja u d-dar huwa bniedem totalment differenti!

Prentiss, l-iżjed student maħbub minn Martin, jibqa’ jipprova jagħmel ħiltu biex jirnexxi fil-ħajja imma ma jsib l-ebda għajnuna mill-ġenituri tiegħu.

Ingrid tasal lura mis-safar flimkien ma’ missierha. X’kien sar minnha kemm kienet ilha nieqsa minn Malta?

Anne toħroġ mill-isptar wara li l-operazzjoni ta’ qalbha tkun irnexxiet mija fil-mija imma b’daqshekk ma jfissirx li se tgħix għal dejjem.

Joe Bartolo, Sarah Camilleri u Monica Attard. Ritratt: Robert Camilleri (FotoClassic)

Dan huwa ftit minn dak li nistennew li naraw fl-episodji li jkunu qed jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq produzzjoni u direzzjoni ta’ EMH.

Pierre Bugeja u Anna Cachia. Ritratt: Robert Camilleri (FotoClassic)

Mal-atturi prinċipali bħal Eileen Montesin, Nathalie Micallef, George Micallef, Christine Haber, Lino Mintoff, Tessie Fedele, John Dimech u Josephine Zammit Cordina se naraw ukoll lil Michael Tabone, Amanda Bugeja, Monica Attard, Anna Cachia, Sarah Camilleri, Keith Pierre Bugeja, Frank O’Neil, John Peel, Pauline Cordina u Klinsmann Coleiro.