Segwi b’mod dirett: l-aħħar sigħat tal-Pontifikat tal-Papa Benedittu XVI

Illum jintemm il-Pontifikat tal-Papa Benedittu XVI, wara d-deċiżjoni li jirriżenja fit-8pm tal-aħħar jum ta’ Frar. Il-kelliem għall-Vatikan, Fr Federico Lombardi, kien qal li r-raġuni għala intgħażlet din is-siegħa kienet li s-soltu l-Papa kien jispiċċa l-ġurnata tax-xogħol tiegħu f’dan il-ħin.

Għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, il-Papa Benedittu ltaqa’ għall-aħħar darba mal-kardinali. Fosthom kien hemm il-kardinal Malti Prospero Grech, li nħatar mill-istess Papa f’Jannar li għadda. Il-laqgħa saret fil-kappella Klementina.

Aktar kmieni saret konferenza tal-aħbarijiet dwar il-programm tal-aħħar jum tal-Pontifikat. Il-kelliem għall-Vatikan, Patri Federico Lombardi, qal li għall-laqgħa ta’ filgħodu bejn il-kardinali u l-Papa, attendew madwar 144-il kardinal. B’hekk fadal xi kardinali li għadhom iridu jaslu l-Vatikan.

Fil-messaġġ tiegħu lill-kardinali kollha, il-Papa Benedittu XVI qal li jinsab qribhom fit-talb. Qal ukoll li jaf li fosthom hemm is-suċċessur tiegħu, u wiegħed li jkun min ikun se jsib ubbidjenza u talb minn naħa tiegħu.

Patri Federico Lombardi qal li l-account tal-Papa fuq Twitter se jkun wieqaf b’mod temporanju, sakemm il-Papa ġdid jiddeċiedi jekk ikomplix jużah jew le. L-aħħar ‘tweet’ tal-Papa se tkun ippubblikata għall-ħabta tal-5pm. Huwa qal li s’issa, ftit inqas minn elf kumpaniji tal-midja ġabu l-akkreditazzjoni biex ixandru mill-Vatikan.

Fil-5pm, il-Papa Benedittu mistenni jitlaq lejn Castel Gandolfo bl-ajru. B’mod simboliku, il-gwardja Svizzera takkumpanja lil Papa sa Castel Gandolfo.

Fit-8pm jintemm uffiċjalment il-pontifikat, jiġi ssiġillat l-appartament tal-Papa u jinqered iċ-ċurkett, kif inhi l-proċedura ta’ meta imut Papa.

Tistgħu issegwu l-aħħar siegħat tal-pontifikat tal-Papa Benedittu XVI b’mod dirett fuq www.newsbook.com.mt