L-aħħar sanzjonijiet huma “att ta’ gwerra” – il-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Fuq iddeskriviet l-aħħar sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda fuq il-pajjiż bħala “att ta’ gwerra”.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq qal li l-miżuri li ttieħdu jammontaw għal imblokk totali għall-ekonomija. Skont l-istess Ministeru, l-unika mod kif jistgħu jiffrustraw lill-Istati Uniti huwa permezz ta’ tisħiħ fil-kapaċitajiet ta’ deterrent tal-pajjiż.
Il-Kunsill tas-Sigurtà fi ħdan il-Ġnus Magħquda impona sanzjonijiet ġodda fuq il-Korea ta’ Fuq nhar il-Ġimgħa li għadda bħala risposta għall-aħħar testijiet tal-missili tal-Belt Kapitali Pyongyang.
Ir-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda, li sabet l-appoġġ unanimu tal-membri tal-Kunsill, tinkludi miżuri li għandhom inaqqsu l-importazzjoni tal-petrol mill-Korea ta’ Fuq b’madwar 90%.
Fi kliem il-Korea ta’ Fuq, dawn l-aħħar sanzjonijiet huma attakk fuq is-sovrenità tal-pajjiż u huma att ta’ gwerra li jkissru l-paċi u l-istabbilità tar-reġjun.